Saturday, February 15, 2025

INVESTIMENT QAWWI FAVUR IL-FAMILJI U N-NEGOZJI

Aqra wkoll

Fis-settur tal-enerġija f’dawn l-aħħar erba’ snin, il-Gvern investa €850 miljun li kienu strumentali bħala għajnuna għan-negozji u l-familji Maltin u Għawdxin. Din l-għajnuna kbira ngħatat f’forma ta’ sussidju u stabbilizzar tal-prezzijiet, li jinkludu kontijiet tad-dawl, fjuwil u LPG. Din serviet ukoll biex ittaffi l-għoli tal-prezzijiet tal-enerġija, kawżati l-aktar mill-pressjoni qawwija internazzjonalment fis-settur tal-enerġija. 

L-investiment f’dan is-settur mill-Gvern sar f’kuntest meta l-pressjoni internazzjonali niżżlet għarkupptejhom ekonomiji kbar li għadhom sal-lum ma jistgħux joħorġu minnha. Ma hemmx dubju wkoll li dan is-sussidju huwa wkoll l-aktar miżura b’saħħitha kontra l-inflazzjoni. 

Għalhekk fl-aktar mumenti ta’ sfida, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar snin, il-Gvern dejjem ra kif għamel biex jibqa’ viċin il-poplu u jagħtihom l-għajnuna fejn meħtieġ. Dan iżda ma jfissirx li ċertu prezzijiet mhux se jogħlew, aktar u aktar meta aħna, il-maġġoranza ta’ dak li bħala poplu nikkonsmaw huwa impurtat minn pajjiżi oħra. 

Għalhekk dan iħalli impatt fuq pajjiżna. Iżda f’dawn il-każi l-poplu qed isib l-għajnuna kollha li hemm bżonn, fosthom l-iskema Stabbilità fejn ‘il fuq minn 450 prodott kienu baqgħu bl-istess prezz. Dan kien anke f’mumenti fejn kien hemm min ipprova jirredikola din l-iskema, bħal donnu li l-għoli tal-prezzijiet ma kienx jimpurtah minnha. 

Kif qal il-Prim Ministru Robert Abela, il-Gvern jirrikonoxxi li l-inflazzjoni hija realtà. Però daqstant ieħor sar ħafna xogħol biex din tiġi indirizzata. Huwa għalhekk kruċjali li kif sostna il-Prim Ministru, il-Gvern, biex ikompli jindirizza l-inflazzjoni u r-realtajiet tan-nies, irid ikollu żewġ affarijiet, il-finanzi tal-pajjiż fis-sod u ekonomija li tikber u trendi. Xi ħaġa li l-poplu qed jesperjenza bħalissa.

Din hija l-għajnuna kbira li qed jagħti l-Gvern lill-familji u n-negozji. Il-Gvern għażel din it-triq għaliex hija l-aktar waħda li tħalli effett pożittiv u dirett fil-ħajja tan-nies. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport