Wednesday, May 28, 2025

INVESTIMENT QAWWI IEĦOR FIS-SETTUR EDUKATTIV

Aqra wkoll

L-edukazzjoni tibqa’ ċ-ċavetta tal-mobilità soċjali. Hija l-pern li fuqha jinbena l-iżvilupp intellettwali u tal-personalità tal-istudent. L-edukazzjoni tiżgura wkoll opportunitajiet biex kulħadd jasal fejn jixtieq. Għalhekk huwa kruċjali li t-twassil tat-tagħlim jibqa’ dejjem ikun aġġornat maż-żminijiet. 

Biex dan il-kunċett ta’ aġġornament fl-edukazzjoni jkompli jissaħħaħ irid ikun hemm dedikazzjoni mill-għalliema. Għalhekk huwa xieraq u meħtieġ li l-kundizzjonijiet li jaħdmu fihom mhux biss ikunu diċenti imma wkoll ikunu għodda biex ix-xogħol tagħhom jagħmlu aktar bil-qalb. 

Dan kollu kien rifless fl-aħħar ftehim kollettiv li ġie ffirmat bejn il-Gvern u l-Unjin Maltija tal-Għalliema għall-edukaturi u l-ħaddiema tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST). B’sodisfazzjon ninnutaw li ntlaħaq dan il-ftehim wara bosta xhur ta’ diskussjonijiet xi kultant imqanqla li tefgħu lura r-rotta lejn il-ftehim aħħari. 

Madankollu għal darba oħra reġa’ rebaħ is-sens komun u r-rieda tajba taż-żewġ naħat, li wasslet ukoll biex isir investiment li jiżboq il-€45 miljun li permezz tiegħu, il-ħaddiema u l-edukaturi se jgawdu minn l-aqwa ftehim b’żidiet fil-pagi u kundizzjonijiet aħjar fuq il-post tax-xogħol tagħhom. Dan huwa investiment ieħor massiċċ fil-qasam edukattiv. Minnu wkoll se jgawdu l-istudenti billi se jkomplu jingħataw l-aqwa servizz edukattiv possibbli. 

L-importanza ta’ dan il-ftehim kienet ukoll murija permezz tal-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela għall-iffirmar tal-ftehim. Turija wkoll ta’ kemm dan il-Gvern għandu għal qalbu t-tagħlim u l-edukazzjoni taż-żgħażagħ tagħna.

Bħalma diġà tennejna fl-imgħoddi u kkritikajna l-għeluq tal-iskejjel tas-snajja’, li kienu strumentali biex il-ħaddiema jtejbu l-ħiliet prattiċi tagħhom, illum infaħħru l-passi li se jittieħdu għall-ftuħ mill-ġdid tal-iskola tas-snajja’ fl-MCAST b’investiment qawwi mis-sena vokazzjonali li jmiss. 

Nittamaw illi dawk involuti fl-edukazzjoni ta’ wliedna jkomplu jqumu kif għamlu dejjem għall-isfidi li jaffaċċjaw fil-ġejjieni l-aktar bl-avvanzi mgħaġġla fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika. Aħna konvinti li l-Gvern mhux se jżomm lura milli jkompli jinvesti fl-edukazzjoni u l-edukaturi biex pajjiżna jkollu t-talent meħtieġ għall-ekonomija tal-lum u tal-ġejjieni. Dan ukoll biex is-suq tax-xogħol minn impjiegi jibda joffri opportunitajiet ta’ karrieri.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport