Friday, December 13, 2024

Investiment ta’ aktar minn €2 miljun f’erba’ proġetti f’San Vinċenz de Paul

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia ħabbar li se jsir investiment ta’ €2 miljun f’erba’ proġetti differenti għall-anzjani f’San Vincenz de Paul. Dan wara taħdidiet bejn it-tmexxija ta’ San Vincenz de Paul u l-Welfare Committee.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Farrugia qal li dawn il-proġetti huma turija tal-pjanijiet u l-impenn li għandu l-gvern għall-futur biex jitgawdew mill-anzjani.

L-ewwel proġett jikkonsisti fil-bdil tas-sodod kollha f’San Vinċenz de Paul għal sodod elettriċi u jinxtara apparat mediku ieħor, b’nefqa totali li se tammonta għal madwar miljun ewro.

It-tieni proġett jinvolvi r-rinovazzjoni tal-aħħar zewġ swali antiki f’San Vinċenz de Paul. Fihom se jsir tisbiħ fit-tqassim ġenerali tas-swali, modernizzar tas-servizzi, u sistemi effiċjenti ta’ enerġija. Dan il-proġett se jitlesta fi żmien 18-il xahar minn meta jibda, u mistenni jiswa madwar €800,000.

It-tielet proġett huwa ftehim mas-settur privat biex tispiċċa l-lista ta’ stennija għad-dentaturi tal-anzjani, kemm dawk residenti f’San Vinċenz de Paul u dawk fid-djar tal-anzjani, b’investiment ta’ €100,000.

L-aħħar proġett se jara li s-servizz tal-Wi-Fi f’San Vinċenz de Paul jinfirex f’kull żona, b’mod speċjali ħdejn is-sodod tal-anzjani. Dan wara s-suċċess ta’ proġett pilota li kien sar is-sena li għaddiet fejn is-servizz tal-Wi-Fi ġie installat fi blokka ta’ San Vinċenz. L-investiment għal dan il-proġett huwa ta’ madwar €200,000.

Il-Ministru Michael Farrugia rringrazzja lill-membri tal-Welfare Committee għall-kontribut tagħhom fid-diskussjonijiet li saru bejn il-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva u uffiċjali ta’ San Vinċenz. 

“Ħidma kontinwa qed twassal biex inġibu kemm jista’ jkun fondi, minbarra dawk kapitali u dawk mill-UE, li jissarfu f’benefiċċji għall-anzjani”, temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Ekonomija

Sport