Ix-xogħol fuq żewġ proġetti kbar fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex miexi ġmielu u meta jitlesta, kemm l-istudenti li jattendu fil-Kumpless Edukattiv tar-Rabat, Għawdex, kif ukoll fl-Iskola Primarja tan-Nadur, se jkollhom ambjent edukattiv mill-aqwa. Dawn iż-żewġ proġetti flimkien qed isir investiment fihom ta’ €24.3 miljun.
Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri flimkien mal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima żaru dawn il-proġetti u ngħataw informazzjoni dwar ix-xogħol li qiegħed isir.
Waqt iż-żjara, il-Ministru Camilleri stqarr; “Ix-xogħol miexi ġmielu f’dawn iż-żewġ proġetti fil-gżira Għawdxija. Fl-iskola tan-Nadur irnexxielna nagħmlu proġett ta’ tisbiħ estensiv u disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa mingħajr ma ħriġna lit-tfal mill-iskola. Il-proġett tal-iskola tar-Rabat imbagħad huwa wieħed mit-tliet proġetti massiċċi li għaddejjin bħalissa f’din iż-żona – iċ-Ċentru Akwatiku u Sportiv u l-Mużew t’Għawdex. Dan kollu bil-għan li noħolqu l-aqwa ambjent għat-tfal tagħna.”
Min-naħa tiegħu l-Ministru Grima qal; “Dawn iż-żewġ proġetti huma tnejn minn għadd ta’ proġetti li għaddejjin bħalissa mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada u permezz tagħhom qed ninvestu biex naraw li nagħtu ambjent edukattiv li jixraq kemm għall-istudenti kif ukoll għall-edukaturi tagħna.”
Intant il-proġett tal-Iskola Primarja tan-Nadur jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-iskola primarja eżistenti, b’investiment ta’ €6.3 miljun u għalih hemm fondi taħt il-Programmi NextGenerationEU permezz tal-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta.
Apparti t-tisbiħ komplet tal-iskola minn ġewwa u minn barra, il-proġett jinkludi d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti ekstra-kurrikulari, fosthom dance studio, music room, literacy room, theatre studio, u klassijiet għall-arti. Se tkun indirizzata wkoll l-aċċessibbiltà fil-binja biex din tkun skont il-liġi u se jkunu introdotti diversi miżuri effiċjenti fl-enerġija.
Ix-xogħol ta’ tisbiħ f’din l-iskola qed isir f’żewġ fażijiet, bix-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fl-ewwel fażi huma lesti u bħalissa qed isiru x-xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi, u xogħol ieħor. Il-proġett se jkun lest għas-sena skolastika 2023-2024.