Sunday, November 24, 2024

Investiment ta’ €1.6 miljun għal servizz ta’ respite għal tfal b’diżabilità

Aqra wkoll

Investiment ta’ €1.6 miljun għal servizz ta’ respite għal tfal b’diżabilità se jwassal biex jiżdiedu l-postijiet fejn tfal b’diżabilità jistgħu jirċievu servizz speċjalizzat f’ambjent u faċilitajiet moderni li jilħaq il-bżonnijiet tagħhom anke skont il-faxxa tal-età. Sadanittant qrabathom ikunu jistgħu jieħdu żmien ta’ mistrieħ u jieħdu ħsieb impenji oħrajn mal-membri l-oħra tal-familja jew personali.

Din hi l-ewwel dar tax-xorta tagħha f’Malta. Il-proġett se jkun possibbli b’riżultat ta’ ftehim bejn Aġenzija Sapport fi ħdan il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u ĦILA Homes li se jipprovdu s-servizz f’Dar Santa Rosa, faċilità moderna li fetħet ftit tal-ġimgħat ilu fil-Mosta. Il-ftehim huwa mifrux fuq medda ta’ 14-il xahar.

L-iffirmar tal-ftehim kien presedut mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur Julia Farrugia Portelli. Hija ddeskriviet dan il-ftehim bħala “tkomplija ta’ ħidma kontinwa b’risq il-persuni b’diżabilità u qrabathom. Is-servizzi provduti riżultat ta’ dan il-ftehim ikopru tfal b’diżabilità. Servizzi speċjalizzati u skont l-età. Ħidma li tirrifletti d-determinazzjoni tagħna li anke b’kordinament mas-settur privat inkomplu ntejbu dak li diġà qegħdin noffru f’dan il-qasam.

Għamilna, qegħdin nagħmlu u se nkomplu nagħmlu dak kollu possibbli biex inkomplu ngħinu lil ġenituri ta’ tfal b’diżabilità jieħdu l-mistrieħ meħtieġ.”
Oliver Scicluna, Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, tratta l-kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija u ĦILA Homes Ltd, li permezz tagħha qed jiġu indirizzati diversi bżonnijiet ta’ kategoriji differenti ta’ persuni b’diżabilità bil- bżonnijiet individwali tagħhom. Huwa enfasizza l-importanza ta’ investiment f’servizz ta’ respite għax, permezz ta’ dawn is-servizzi, il-familja tkun qed tingħata sostenn u għalhekk tkompli ssaħħaħ servizzi fil-komunità.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ HILA Homes Ltd, Janet Silvio, qalet li permezz ta’ dan il-ftehim, Dar Santa Rosa qed toffri servizz ta’ respite ta’ kwalità. Se jkollhom l-opportunità jilħqu aktar persuni u jkunu ta’ appoġġ konkret għall- familji li għandhom tfal b’diżabilità.

Għalkemm servizz ta’ respite jkun għal żmien speċifiku, is-servizz li jingħata xorta jkun pjanat biex jintlaħqu l- bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità skont il-livelli differenti ta’ dipendenza.

Permezz ta’ dan il-ftehim ġdid, qed tiġi indirizzata d-domanda għal servizz bħal dan b’mod partikolari għat-tfal. Dan minbarra s-servizzi offruti minn entitajiet u NGOs oħra f’Malta u Għawdex. ĦILA Homes imexxu wkoll Casa Apap Bologna fil-Mosta u Casal Nuovo f’Raħal Ġdid.

Sport