Thursday, May 15, 2025

Investiment ta’ €1 miljun f’għajnuna lill-festi Maltin

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar il-benefiċjarji tal-Iskema għall-Wirt Artistiku 2025. Għal din is-sena ġie allokat investiment bla preċedent ta’ €1 miljun. Fl-ewwel sejħa, 83 applikant se jingħataw għotja ta’ €800,000 bħala appoġġ  għall-Festa Maltija. It-tieni sejħa se tiġi mnedija f’Awwissu.

Għal din is-sena kien hemm żieda fil-fondi ta’ €300,000 għal din l-iskema, li rriżultat f’żieda sinifikanti ta’ 43% fil-finanzjament provdut.

Il-Ministru Owen Bonnici faħħar ix-xogħol imprezzabbli mwettaq minn organizzazzjonijiet volontarji relatati mal-festi, bħal każini tal-baned, organizzazzjonijiet tal-armar tal-festi, u assoċjazzjonijiet tal-kmamar tan-nar, u assigura lil dawk preżenti li l-Gvern se jkun qiegħed ikompli jappoġġja u jissalvagwardja dawn it-tradizzjonijiet.

“Sena wara oħra, qed inkomplu nżidu l-investiment tagħna f’dawn l-inizjattivi mmexxija mill-komunità, u b’hekk inwettqu l-wegħda elettorali tagħna sabiex nipproteġu l-identità kulturali tagħna. Aħna qed nagħmlu dan permezz ta’ investimenti tanġibbli li jgħinu lil dawn is-setturi kreattivi jiffjorixxu b’mod sostenibbli. Tradizzjonijiet bħall-festi, li huma protetti mill-UNESCO, huma parti mill-wirt kulturali intanġibbli tagħna, kif ukoll il-logħob tan-nar, li jiffurmaw parti intrinsika mit-tessut kulturali tagħna, u aħna impenjati sabiex niżguraw li dawn ikollhom ir-riżorsi xierqa sabiex jikbru,” qal il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tagħha, l-Uffiċjal Ewlieni tal-Operat (Finanzjament u Strateġija) tal-Kunsill Malti għall-Arti Mary Ann Cauchi qalet, “Il-vjaġġ tagħna biex insaħħu l-wirt u r-riżorsi kulturali ta’ Malta jkompli f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Istrateġija tal-Kunsill. Dawn it-tip t’inizjattivi għamluha possibbli għalina biex noffru appoġġ kontinwu b’mod sostenibbli filwaqt li jippermettulna li ntejbu l-aċċessibbiltà għal avvenimenti tradizzjonali sabiex dawn ikunu jistgħu jitgawdew minn kull membru tal-komunità. B’dan il-mod qed inkomplu nissalvagwardjaw id-diversità artistika u kulturali tal-gżejjer Maltin, filwaqt li nippromwovu riġenerazzjoni xprunata mill-wirt.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport