Il-Korp tal-Pulizija ser ikun qed jinvesti f’aktar sistemi ta’ sigurtà fl-ajruport. Dan permezz ta’ investiment ta’ €13.6 miljuni minn fondi Ewropej li ser iwassal għal immaniġġjar aktar b’saħħtu tal fruntieri tal-pajjiż.
Dawn id-dettalji ngħataw waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għall-Intern, is Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Stefan Zrinzo Azzopardi.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Camilleri spjega kif dan l-investiment huwa xhieda oħra ta’ kif minkejja l-isfidi li ġabet magħha l-pandemija, ir-ritmu tax-xogħol ma waqafx, fost oħrajn b’rabta mas-sigurtà tal-pajjiż. “Qed naraw li nippreservaw bilanċ tajjeb lejn ir-rispons meħtieġ għall-isfidi li għandna quddiemna fil-qasam tas-sigurtà filwaqt li nipproteġu l-libertà li wieħed jivvjaġġa fejn jixtieq fiż Żona Schengen,” sostna l-Ministru.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi qal li b’fondi Ewropej ser inkomplu nsaħħu s sigurtà ta’ pajjiżna u nonoraw l-obbligi li pajjiżna għandu bħala Stat Membru fl-UE u bħala parti miż żona Schengen. Huwa spjega kif dawn inqasmu fuq erba’ proġetti li flimkien jiffurmaw sistema ħolistika li ser tkun qed tassigura li l-fruntieri tal-UE huma protetti, biex l-informazzjoni tkun tista’ tiċċirkola b’mod effiċjenti u tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-terroriżmu u reati kriminali. Huwa kkonkluda li dan kollu se jkun qed jgħin lill-awtoritajiet tal-infurzar biex jagħmlu xogħlhom filwaqt li jiġi ffaċċilitat l-immaniġġjar ta’ persuni ġejjin minn pajjiżi terzi hekk kif b’dawn is-sistemi fost għajnuniet oħra se jiġu identifikati dawk il-persuni li m’għadhomx josservaw il-kundizzjonijiet marbuta mad-dħul tagħhom jew skadilhom iż-żmien li fih setgħu jibqgħu fl-UE.
Fost dawn is-sistemi, hemm il-European Travel Information And Authorisation System (ETIAS), li b’investiment ta’ €3.4 miljun se tkun qed tilqa’ l-applikazzjonijiet għal dawk il-persuni ġejjin minn pajjiżi terzi. Din se tipprovdi assessjar tar-riskju ta’ applikanti fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea biex ma jitħallewx jidħlu immigranti illegali filwaqt li l-Istati Membri jkunu avżati dwar persuni mfittxija minħabba talbiet ta’ estradizzjoni, persuni rrapurtati nieqsa u raġunijiet oħra.
B’investiment ta’ €6.4 miljun, l-Entry/Exit system, se tikkumplimenta l-ETIAS, hekk kif se tirreġistra l-persuni kollha li qed jivvjaġġjaw minn pajjiżi terzi fid-dħul u l-ħruġ tagħhom mill-fruntieri esterni tal-istati Membri bil-għan li jissaħħaħ il-kontroll fuq il-fruntieri tal-pajjiżi membri fiż-żona Schengen.
Schengen Information System hija sistema kbira ta’ informazzjoni mħaddma fl-istati Membri li ssaħħaħ il-koperazzjoni fl-oqsma tal-kontroll fuq il-fruntieri u l-infurzar tal-liġi. Permezz ta’ €1.2 miljun, l-awtoritajiet tal-infurzar fil-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropeja ser jingħataw il-faċilità li jikkonsultaw dwar twissijiet fuq persuni rrappurtati nieqsa fost affarijiet oħra.
Ma’ dawn riċentament għadhom kemm ġew approvati €2.67 miljun li se jintużaw biex jingħata taħriġ lill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija biex jitħarrġu aktar fis-sistemi ta’ kontroll tal-fruntieri flimkien ma’ xiri ta’ apparat teknoloġiku.