Monday, December 23, 2024

Investiment ta’ €2 miljun fi spiżerija għal San Vinċenz de Paul

Aqra wkoll

Mifruxa fuq tliet sulari, f’San Vinċenz de Paul ġiet inawgurata binja li se tkun qed topera bħala spiżerija, uffiċini, kif ukoll imħażen għal prodotti mediċi u farmaċewtiċi.

B’investiment ta’ madwar €2 miljun, din l-ispiżerija se tkun ta’ servizz għal 1,500 resident. Dan is-servizz se jkun qed inaqqas il-piż minn fuq l-Isptar Mater Dei u minn ċentri mediċi oħrajn.

Waqt l-inawgurazzjoni ta’ dan il-proġett, il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia qal li din se tkun spiżerija li tindirizza l-bżonnijiet tal-anzjani. “Il-bżonnijiet mediċi u farmaċewtiċi tar-residenti f’San Vinċenż de Paul huma varji u kumplessi u għalhekk id-domanda għalihom qiegħda dejjem tiżdied”, spjega l-Ministru Michael Farrugia.

L-iskop tal-proġett ma kienx biss li tinbena binja ġdida biex tindirizza dawn ir-realtajiet imma biex l-ispiżerija toffri servizz ta’ eċċellenza li jinkludi prattiċi ġodda fis-sistema ta’ kif jiġu ordnati u organizzati l-affarijiet.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li San Vinċenz qed jinbidel minn ċentru ta’ kura residenzjali għal ċentru ta’ eċċellenza ta’ kura ġerjatrika li jaqdi l-bzonnijiet ta’ persuni b’dipendenza għolja u bi bżonnijiet mediċi kumplessi.

“San Vinċenz kontinwament qed jikber u jespandi s-servizzi tiegħu. Għandna pjanijiet u permessi maħruġin diġà li issa se jkunu qed jiffukaw fuq l-aspett rikreattiv għar-residenti u għall-familji bl-introduzzjoni ta’ animal petting farm, ġnien state-of-the-art għal persuni li jbatu bid-dimensja kif ukoll aktar rinnovar ta’ swali”, temm jgħid il-Ministru Michael Farrugia.

Ekonomija

Sport