Matul l-2024 u l-2025, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) wettqet proġetti ta’ tisbiħ fl-ispazji sportivi u rikreattivi f’diversi Skejjel u Ċentri għall-Ħarsien tat-Tfal. Din hija biss parti mill-ħidma li għaddejja mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, bl-għan li tittejjeb l-infrastruttura sportiva u l-infrastruttura għal faċilitajiet li jintużaw għal attività fiżika kemm fl-iskejjel tal-Istat, u wkoll f’Istituzzjonijiet Edukattivi oħrajn mit-tfal u żgħażagħ studenti.
Ix-xogħlijiet fl-iskejjel saru b’koordinament mad-Dipartiment ta’ Infrastruttura u Loġistika fil-Ministeru, filwaqt li x-xogħlijiet fiċ-Ċentri għall-Ħarsien tat-Tfal saru b’koordinament mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES).
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima flimkien mas-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti żaru x-xogħol li sar fl-Iskola Primarja tal-Belt Valletta, fejn raw it-tisbiħ u r-rinovazzjoni li sar fil-faċilitajiet ta’ din l-iskola.
“Apparti xogħol li qed isir fuq livell nazzjonali fis-settur sportiv, qed naraw li anki fl-Iskejjel u l-Istituzzjonijiet Edukattivi tagħna l-faċilitajiet li jintużaw għal rikreazzjoni jkollhom ambjent aktar xieraq f’dak li huwa spazju sportiv u rikreattiv. Mhux biss qed noħolqu programmi u inizjattivi biex nagħtu aktar importanza għal sport u attività fiżika, imma qed naraw ukoll li b’dawn il-proġetti nipprovdu spazji aħjar għall-istudenti tagħna. Qed naraw li l-ispazji miftuħa jkunu adegwati biex l-istudenti jkollhom spazji aħjar li fihom ikunu jistgħu jipprattikaw l-isport u jagħmlu eżerċizzji fiżiċi,” qal il-Ministru Clifton Grima.
Fost xogħol li sar, l-FTS installat ukoll turf artifiċjali ġdid. Bejn l-2024 u l-2025 sar investiment ta’ madwar €2 miljun. Matul l-2024, l-investiment sar f’7 Kulleġġi u 8 Ċentri għall-Ħarsien tat-Tfal, filwaqt li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena l-investiment sar fi 8 Kulleġġi, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal, “B’dan l-investiment, mhux biss qed intejbu l-ambjent fejn l-istudenti u t-tfal jistgħu jirrikreaw u jagħmlu eżerċizzju fiżiku, imma qed nagħtu wkoll importanza lil benesseri mentali u soċjali tagħhom. L-isport u l-attività fiżika għandhom rwol kruċjali fil-formazzjoni ta’ ħajja bilanċjata, u qed naraw li dawn il-proġetti jkunu ta’ benefiċċju għal kulħadd.”