Thursday, December 26, 2024

Investiment ta’ €2 miljun għall-protezzjoni tar-Riserva Naturali ta’ Marsaxlokk

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Infrastructure Malta qed timplimenta proġett ta’ €2 miljun fejn qed tipprovdi soluzzjoni infrastrutturali sabiex tnaqqas l-erożjoni kostali kkawżata minn impatti naturali fiż-żona tal-Magħluq fil-Port ta’ Marsaxlokk. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg waqt żjara fejn ġew segwieti x-xogħolijiet infrastrutturali li qed isiru fuq din iż-żona.

Il-Ministru Ian Borg qal, “L-infrastruttura marittima għaddejja b’rittmu tajjeb ħafna madwar pajjiżna b’mod speċjali hawnhekk f’Marsaxlokk fejn qed isiru diversi u anke saru proġetti fosthom il-proġett tal-Qrejten Breakwater fejn permezz tiegħu erġajna tajna tama lil dawk is-sajjieda kollha li jagħmlu użu minnu sabiex jaqilgħu il-ħobża ta’ kuljum. Dan il-proġett huwa xhieda oħra ta’ gvern ambjentali fejn Infrastructure Malta qed tintervjeni sabiex anke nipproteġu Natura 2000 li hawn f’din iż-żona. Apparti hekk qegħdin nintervjenu sabiex ma jintilifx iżjed ramel. Ilkoll nafu kemm din il-bajja hi ffrekwentata min-nies u għalhekk b’dan il-mod qed naraw li ikun hemm prevenzjoni milli jintilef aktar ramel li min-naħa l-oħra se jkun qed jiffranka bosta xogħlijiet li kien isiru kull sena sabiex nirkuprawh mill-kumplament tal-bajja.”

Bl-appoġġ u l-kollaborazzjoni tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi u s-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali, Infrastructure Malta qed tifforma żewġ groynes temporanji li joħorġu madwar 70 metru b’mod perpendikulari max-xatt. Dawn jikkonsistu fi strutturi baxxi mibnija b’mijiet ta’ blat kbir tal-ġebla tal-franka sabiex iwaqqfu ramel u sedimenti oħra milli jiġu mkaxkra lejn l-art, il-bajja biswit u l-marina tas-sajjieda.

Flimkien ma’ dawn ix-xogħlijiet, it-tim tal-infrastruttura marittima tal-aġenzija nieda wkoll studji biex jevalwa l-effettività ta’ dawn l-interventi u biex jiddisinja u jippjana strutturi li jdumu aktar u jkomplu jagħtu kenn lil din in-naħa tal-port ta’ Marsaxlokk.

Permezz ta’ dan il-proġett, Infrastructure Malta qed tgħolli wkoll partijiet mill-mollijiet tal-marina, biex ittejjeb is-sigurtà tagħhom.

Is-sena l-oħra, l-aġenzija bidlet il-puntuni l-qodma f’din il-marina għal tlieta ġodda, kull waħda twila bejn 48 metru u 60 metru. Il-ħaddiema se jkunu qed iqiegħdu wkoll netwerks ġodda taħt l-art biex jipprovdu servizzi ta’ ilma u elettriku lil din il-marina.

Ekonomija

Sport