Saturday, December 21, 2024

Investiment ta’ €200,000 għal test dijanjostiku ġdid u aktar effiċjenti għall-kanċer tal-musrana

Aqra wkoll

Riċerkaturi miċ-Ċentru għall-Mediċina Molekulari u l-Biobanking tal-Università ta’ Malta qed jaħdmu fuq proġett ta’ riċerka bl-isem Kme-CRC bl-għan li jinħoloq test dijanjostiku speċifiku għall-kanċer tal-musrana biex jassisti lit-tobba u l-patoloġisti jivvalutaw il-preżenza u l-istadju ta’ dan il-kanċer

Il-pazjenti jibbenefikaw minn dijanjosi aktar bikrija, li ġeneralment tissarraf f’riżultat ta’ trattament iktar effettiv, u b’hekk jitnaqqsu l-ħtieġa għall-kimoterapija, iż-żmien fl-isptar, u l-piż mentali fuq il-pazjent u l-membri tal-familja.

Dan il-proġett seta’ jsir bl-għajnuna ta’ €200,000 f’fondi għar-riċerka mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija.

F’Malta jkun hawn madwar 300 każ ġdid ta’ kanċer tal-musrana fis-sena, b’mortalità ta’ 100 pazjent fis-sena u 200 operazzjoni mwettqa fis-sena. Għalhekk screening b’mod aktar preċiż sabiex dan it-tip ta’ kanċer jinstab fi stadju aktar bikri huwa kruċjali.

Waqt iż-żjara tiegħu fil-laboratorji fejn qed isir ix-xogħol fuq dan il-proġett, il-Ministru għall-Ugwaljanza, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Owen Bonnici faħħar l-enerġija u l-impenn ta’ dawn ir-riċerkaturi Maltin li qed jaħdmu bla heda biex isibu soluzzjonijiet u modi innovattivi biex tiġi miġġielda marda li tikkawża tant tbatija għal ħafna nies.

Il-Ministru Bonnici stqarr li, “Ix-xogħol imprezzabbli ta’ dawn ir-riċerkaturi jeħtieġ li jiġi rikonoxxut, peress li dawn qed jaħdmu bla waqfien biex jipprovdu raġġ ġdid ta’ tama għal dawk li l-aktar għandhom bżonn. Filwaqt li r-riċerka f’pajjiżna jista’ jkun li għadha fil-bidu tagħha, in-nies qed jibdew jifhmu l-valur tagħha għall-benefiċċju tas-soċjetà kollha.”

Il-Ministru Bonnici saħaq ukoll li, “Il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jinċentiva u jħeġġeġ riċerka bħal din, u xejn ma jixpruna l-isforzi tagħna aktar mir-riżultati mill-isbaħ li qed jiksbu dawn ir-riċerkaturi.”

Ir-Riċerkatur Ewlieni Dr Byron Baron qal li, “Permezz ta’ din ir-riċerka tejjibna d-dijanjosi tal-kanċer tal-musrana billi nanalizzaw bidliet f’tip ta’ proteini msejħa methylation. Riċerka bħal din hija importanti biex tiddefinixxi aħjar l-istadju tat-tumur u tippermetti trattament aktar personalizzat.”

Il-kit propost jista’ jnaqqas il-ħin tal-ittestjar u jagħti dettalji tat-tumur aktar kwantitattivi u oġġettivi. Barra minn hekk, meta wieħed iqis li l-kura tas-saħħa f’Malta hija b’xejn, minbarra li tnaqqas it-tbatija assoċjata ma’ din il-marda għall-pazjenti u l-maħbubin tagħhom, id-dijanjosi bikrija tiffranka wkoll ħafna flus lill-pajjiż.

Din ir-riċerka qed titmexxa minn Dr Byron Baron, assistit minn Dr Vanessa Zammit. Il-kampjuni tal-pazjenti huma pprovduti minn kirurgi fl-Isptar Mater Dei u s-software apposta qed jiġi żviluppat minn Incredible Web Ltd.

Ekonomija

Sport