Bil-bini mill-ġdid tal-Iskola Primarja Dun Karm Scerri tan-Naxxar, Kulleġġ Maria Reġina, l-istudenti u l-edukaturi f’din l-iskola se jkollhom ambjent ġdid, modern u mgħammar bl-aħħar teknoloġija għall-perkors edukattiv tagħhom.
“Dan huwa proġett ieħor li jingħaqad ma’ dawk preċedenti, li permezz tagħhom qed nittrasformaw l-ambjent infrastrutturali edukattiv. F’din il-binja żammejna l-faċċata minħabba l-karatteristiċi tagħha, madankollu fuq ġewwa qed nibnu skola kompletament ġdida,” spjega l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima meta dalgħodu żar ix-xogħol li qed isir flimkien mal-Ministru għall-Fondi Ewropej u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi.
L-ewwel fażi tal-proġett tinkludi x-xogħol ta’ kostruzzjoni fuq il-binja tal-iskola, billi qed titwaqqa’ l-binja eżistenti. Filwaqt li l-iskola l-antika kienet mifruxa fuq żewġ sulari, il-binja l-ġdida se tkun fuq ħames sulari, b’żewġ sulari taħt l-art għal skopijiet anċillari u tlieta ’l fuq mil-livell tat-triq. Minħabba li se tinżamm il-faċċata eżistenti, is-sular il-ġdid se jkollu disinn li jirrispetta l-faċċata eżistenti, madankollu l-parti ġdida se tkun mibnija b’materjal kontemporanju biex ikun hemm distinzjoni bejn il-ġdid u l-antik.
L-iskola l-ġdida se jkollha 46 klassi, fosthom 20 klassi għall-kindergarten. Se jkollha wkoll għadd ta’ klassijiet għal suġġetti speċifiċi fosthom l-arti, il-mużika, id-drama u kċina industrijali. Il-binja l-ġdida se jkollha wkoll faċilitajiet sportivi, spazji rikreattivi, multi-sensory room, u sala għal użu differenti. L-iskola se jkollha wkoll librerija li tista’ tinfetaħ għall-komunità wara l-ħin tal-iskola.
L-ispazji ta’ ċirkolazzjoni huma ddisinjati biex jinħolqu spazji li fihom l-istudenti jistgħu jqattgħu ħin ta’ rikreazzjoni jew jintużaw mill-edukaturi għal tagħlim iktar informali, b’hekk ikun qed isir użu sħiħ ta’ kull spazju fl-iskola. Fuq il-bejt tal-iskola se jinħoloq spazju għall-green fingers biex l-istudenti jkollhom esperjenza diretta fuq il-kura tas-siġar u l-pjanti.
Wara l-fażi ta’ kostruzzjoni jkompli għaddej ix-xogħol li jinkludi s-servizzi, fosthom l-installazzjoni tal-elettriku, l-ilma u d-drenaġġ, il-konnettività għall-internet, l-alarms u l-kameras tas-sigurtà, u servizzi oħrajn fosthom dawk relatati mas-sigurtà f’każ ta’ ħruq. Ix-xogħol ikompli għaddej bl-installazzjoni tal-aperturi, it-tqegħid tal-madum, il-faċilitajiet sanitarji, il-kisi, it-tibjid, u l-installazzjoni tas-suffitt.
Dan il-proġett jallinja mal-Viżjoni Malta 2050, speċifikament l-miżura makro 66, fejn il-Gvern qed jinvesti f’infrastruttura edukattiva li tkun aċċessibbli u inklużiva għal kulħadd.
“Dan huwa investiment ieħor li permezz tiegħu qed ninvestu dirett f’uliedna u l-edukaturi tagħna biex ikollhom ambjent edukattiv xieraq, modern u li jixraq għaż-żminijiet tal-lum. Proġett li wkoll għandu l-għan li jtejjeb il-benesseri kemm tal-istudenti li jattendu fih, u l-edukaturi li b’impenn kbir qed jgħaddu l-edukazzjoni lill-ġenerazzjonijiet tal-lum u ta’ għada,” qal il-Ministru Clifton Grima.
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr, “Din iż-żjara tikkonferma kif qed jinħolqu faċilitajiet edukattivi moderni u sostenibbli li se jsaħħu l-edukazzjoni inklużiva u jħejju l-ġenerazzjonijiet futuri.”
Il-proġett jinsab fi stadju avvanzat u se jipprovdi klassijiet moderni, librerija, sala multifunzjonali u spazji għall-komunità, filwaqt li jindirizza wkoll il-ħtieġa għal tagħlim diġitali u mill-bogħod.
L-iskola se tkun mgħammra b’għamara ġdida li tħeġġeġ aktar l-inklużjoni fit-tagħlim. Fil-binja se jkunu introdotti miżuri effiċjenti fl-enerġija, fosthom l-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi.
L-iskola l-ġdida hija mifruxa fuq madwar 13,000 metru kwadru fuq ħames livelli, bi 3,000 metru kwadru minnhom dedikat għall-attivitajiet li jsiru fi spazji miftuħin. Din se takkomoda madwar 1,000 tifel u tifla, kemm fl-iskola primarja, kif ukoll fil-kindergarten.
Il-proġett huwa stmat li se jiswa madwar €21.5 miljuni, li qed jiġi kkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea.


