Il-Faċilità għall-Kura fit-Tul – San Vinċenz de Paul lestiet proġett b’finanzjament mill-Fond Ewropej għall-Iżvilupp Reġjonali ERDF 04.069, fejn ġew installati sistemi effiċjenti tal-enerġija bħall-installazzjoni ta’ sistemi ġodda ta’ arja kkundizzjonata, ventilazzjoni u dwal.
Dawn id-dettalji tħabbru waqt żjara f’San Vinċenz de Paul mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
“L-għan ta’ dan il-proġett kien li jintroduċi tagħmir intelliġenti u effiċjenti fl-użu tal-enerġija f’21 sala. Ġew installati wkoll suffitti moderni, b’akustika aħjar u b’karatteristiċi kontra l-ħruq biex tkompli tiġi salvagwardjata s-sigurtà tal-anzjani. Permezz ta’ dan il-proġett mhux biss qed intejbu l-ħajja tal-anzjani, l-impjegati u l-viżitaturi, iżda wkoll qed inaqqsu drastikament il-konsum tal-enerġija fil-faċilità u b’hekk nimxu fid-direzzjoni ta’ direttivi Ewropej f’dan il-qasam, primarjament il-Green Deal,” stqarr il-Ministru Abela.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett semma kif b’dan il-proġett ser igawdu l-benefiċċji tagħhom primarjament l-anzjani residenti f’San Vinċenz de Paul. Żied jgħid illi proġett bħal dan ikompli jikkontribwixxi biex Malta tilħaq il-miri u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea dwar l-enerġija.
“Kommessi li bl-għajnuna ta’ fondi Ewropej qegħdin ninvestu f’tagħmir li bih nagħmlu l-ħajja tar-residenti aħjar filwaqt li fl-istess ħin inaqqsu l-ammont ta’ enerġija użata u emissjonijiet fl-arja u b’hekk nimxu fid-direzzjoni ta’ direttivi Ewropej dwar il-qasam, primarjament il-Green Deal. Il-Kummissjoni Ewropea tisħaq għall-implimentazzjoni ta’ miżuri u inizjattivi sabiex l-Ewropa tkun minn ta’ quddiem nett fid-dinja b’inizjattivi li jistgħu jsalvaw il-pjaneta tagħna mill-perikli li qed jinħolqu mit-tibdil fil-klima li diġà qiegħed iħalli l-impatt tiegħu,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Bonett.