Saturday, October 26, 2024

Investiment ta’ €5 miljun f’binja ġdida għall-qrati tagħna

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza, u l-Governanza Edward Zammit Lewis ħabbar proġett ta’ kważi €5 miljun bl-għan li jiġi estiż il-bini tal-Qrati ta’ Malta fi Triq id-Dejqa, il-Belt Valletta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Zammit Lewis qal li fi żmien sentejn, binja dilapidata biswit il-Qorti eżistenti fi Triq id-Dejqa fil-Belt Valletta, se tkun qed tiġi renovata u ristrutturata, bl-għan li jitwaqqfu erba’ awli u 25 uffiċċju ġdid.

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li dan mhuwiex gvern li jagħmel biss ir-riformi kostituzzjonali u istituzzjonali, kif għamel f’ħidma bla waqfien u bla preċedent tul dawn l-aħħar għaxar xhur, iżda gvern li jagħmel proġetti konkreti b’investiment qawwi fis-settur tal-ġustizzja, anke fi żmien ta’ sfida tal-pandemija. Spjega kif matul dawn l-aħħar għaxar xhur ix-xogħol ma waqafx, hekk kif ġie inawgurat l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, beda x-xogħol fuq l-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Liġi, saret riforma bla preċedent fl-Uffiċċju tal-Irkupru tal-Assi, u r-restawr u bini ġdid għall-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat li se jiġi inawgurat fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Ministru kompla jgħid li dan il-proġett huwa parti minn kullana ta’ proġetti li qed jittieħdu sabiex jagħmlu l-ġustizzja ta’ pajjiżna iktar aċċessibbli għaċ-ċittadin, għaliex il-Maltin u l-Għawdxin għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna.

Is-Segretarju Permanenti s-Sur Johan Galea, waqt li tkellem dwar l-importanza ta’ dan il-proġetti, irrimarka li dan mhuwiex proġett iżolat iżda wieħed minn sensiela ta’ proġetti li qiegħed jaħdem fuqu dan il-Ministeru. Is-Sur Galea elenka l-fatt li ilu snin twal jinħass il-bżonn ta’ iktar spazju adegwat fil-Qorti u dan il-proġett, waqt li se jsolvi din il-problema, se jkun qed joffri ambjent iktar dinjituż lill-ħaddiema kollha, inkluż il-ġudikanti.

Id-Direttur tal-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati s-Sur Frank Mercieca spjega li dan il-proġett se jkun qed isir fuq medda ta’ sentejn. L-ewwel hemm il-fażi ta’ applikazzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar u mbagħad proċess trasparenti ta’ tendering. Wara li jitlesta dan il-proċess, se jkun qed jibda x-xogħol ta’ rinovar u ristrutturar, biex dawn l-awli u uffiċini ġodda jibdew joperaw fl-iqsar żmien possibbli. Is-Sur Mercieca saħaq li dan il-proġett se jkun qed jagħti lura lill-Belt Valletta anke mil-lat kulturali, hekk kif binja storika li llum ’il ġurnata tinsab dilapidata, se tkun qed tiġi rrestawrata minn nies esperti.

Sport