Friday, March 27, 2026

Investiment ta’ €6.7 miljun f’xogħlijiet ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’binjiet tal-housing

720 familja ser igawdu minn investiment b’saħħtu b’xogħol ta’ tisbiħ fi 13-il lokalità

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali u l-Akkomodazzjoni Andy Ellul ħabbar il-pjan ta’ ħidma għal din is-sena ta’ riġenerazzjoni ta’ binjiet soċjali fi 13-il lokalità.

Dr Ellul ħabbar li dan il-proġett huwa mifrux ma’ Malta u Għawdex u se jsir b’investiment totali ta’ kważi €7 miljun. Huwa ħabbar ukoll illi b’kollox, minn dan il-proġett, se jibbenefikaw mas-720 familja f’aktar minn 100 binja ta’ akkomodazzjoni soċjali.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f’Ħal Tmiem, iż-Żejtun, is-Segretarju Parlamentari Ellul żvela kif l-akbar proġett minn dawn kollha huwa proprju fiż-Żejtun. Ladarba jintemmu x-xogħlijiet se jkun sar titjib fuq 16-il binja, bi kważi 100 familja jgawdu minn dan ix-xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni. Dak taż-Żejtun se jfisser investiment totali ta’ €882,000.

Fil-binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Ħal Għaxaq se jsir xogħol ta’ riġenerazzjoni fuq sitt binjiet residenzjali. Minnu se jgawdu 54 familja b’investiment ta’ aktar minn €600,000.

Is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li se jkun qed isir xogħol f’Santa Luċija, li minnu ser igawdu kważi 60 familja, fil-Gżira 55 familja, 18 fil-Kalkara u 128 familja fir-Rabat Għawdex. Se jsir ukoll xogħol ta’ tisbiħ u manutenzjoni f’binjiet f’Ħ’Attard u Ħal Luqa.  Dr Ellul qal li bħalissa għaddej xogħol ukoll fuq 42 binja fil-Marsa, Raħal Ġdid, Marsaskala,  Ta’ Xbiex u l-Mosta.

Waqt il-konferenza li fiha ħabbar dan il-pjan ta’ ħidma, Dr Ellul qal li filwaqt illi l-Gvern jibqa’ kommess biex tiżdied il-proprjetà ta’ akkomodazzjoni soċjali, huwa importanti li fl-istess ħin ikompli b’ħidma fuq proġetti ta’ manutenzjoni sabiex problemi eżistenti jiġu indirizzati bla dewmien. Dr Ellul fakkar li d-dinjità mhix biss li jkollok saqaf fuq rasek imma wkoll li persuna tgħix f’ambjent diċenti li ssaħħaħ il-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

“Qed nuru ċar u tond li għalina bħala Gvern l-akkomodazzjoni soċjali hija ta’ importanza ċentrali f’dak li huma ġustizzja soċjali, ambjent ta’ komunità u l-kwalità tal-ħajja,” qal is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul. Saħaq li l-messaġġ li qed jibgħat il-Gvern permezz ta’ proġetti bħal dawn huwa li kull resident u kull komunità għandhom jingħataw l-importanza li jixirqilhom. Huwa ġedded il-wegħda tal-Gvern li fix-xhur u snin li ġejjin se jkompli jirriġenera u jinvesti fin-nies li jgħixu f’komunitajiet simili.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul temm jgħid li dawn il-proprjetajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali mhumiex biss binjiet iżda huma komunità li teħtieġ ambjent stabbli u dinjituż.

Ix-xogħol fuq dawn il-proġetti se jinkludi  restawr tal-faċċati, xogħol fuq l-entratura tal-binjiet, titjib tal-infrastruttura ġenerali fejn ikun hemm il-ħtieġa u kif ukoll ser jiġu aġġornati l-ispazji komuni. 

Dan il-proġett jimxi id f’id ma’ diversi proġetti oħrajn li permezz tagħhom il-Gvern qed jagħti prijorità lill-kwalità tal-ħajja tan-nies.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport