Wednesday, December 25, 2024

Investiment ta’ €9 miljun minn kumpanija lokali biex tkabbar, tesporta u tkun aktar effiċjenti

Aqra wkoll

Kumpanija lokali li timmanifattura prodotti tal-ikel se tinvesti mad-€9 miljun biex tirriloka f’binja ġdida fl-Imrieħel, b’operat aktar modern u effiċjenti. Dan l-investiment se jsir minn C.Cini Manufacturing Ltd u se jwassal biex din il-kumpanija ssaħħaħ l-esportazzjoni tal-prodotti tagħha, tissodisfa d-domanda fis-suq tal-ikel, tagħmel attività ta’ riċerka u żvilupp u tkun aktar kompetittiva.

Dan ħabbritu l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia u ma’ waħda mid-Diretturi ta’ C.Cini Manufacturing Ltd. Melanie Galea Cini, waqt żjara lill-kumpanija f’Ħal Qormi.

Il-kumpanija bdiet topera fl-1931 u minn dejjem għarfet l-importanza li tinvesti u tespandi l-operat tagħha. Malta Enterprise kienet kruċjali biex din il-kumpanija tkun tista’ tkompli tiżviluppa u tipproduċi prodotti ta’ kwalità. L-investiment qed jissarraf ukoll f’espansjoni biex jissodisfa d-domanda ta’ prodotti gluten free fost prodotti oħra.

Is-sostenibbiltà hija l-parti prinċipali ta’ dan l-investiment, għalhekk C.Cini Manufacturing Ltd se tkompli żżid makkinarju modern li jtejjeb il-produzzjoni u l-effiċjenza tal-prodotti.

C.Cini Manufacturing Ltd qed tara li teqleb għall-ippakkjar bi plastik riċiklabbli. Din il-kumpanija qed taħdem biex tikseb ċertifikazzjoni ta’ ISO, BRC u IFS. B’dan il-mod, din il-kumpanija se tkun tista’ tibda tesporta l-prodotti tagħha lejn swieq differenti. Bħalissa C.Cini Manufacturing tesporta lejn Sqallija, il-Libja u l-Awstralja.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat li kumpaniji bħal C.Cini Manufacturing Ltd qed jimxu mal-viżjoni tal-gvern li għandha twassal għad-dekarbonizzazzjoni, filwaqt li l-gvern kontinwament qed jassisti dawn il-kumpaniji biex jikbru u jkunu sostenibbli.

“C.Cini Manufacturing Ltd hija negozju tal-familja li minkejja żmien ta’ sfida qed tikkonsolida fi tkabbir tal-faċilitajiet, esportazzjoni ta’ prodotti u żżid fl-attivitajiet tagħha anke permezz ta’ elementi ta’ riċerka u żvilupp. L-investiment ta’ €9 miljun se jwassal għall-ħolqien ta’ karrieri ġodda b’40%. Din il-kumpanija diġà għamlet investiment ieħor, ta’ €3 miljun f’makkinarju li qed jintuża bħalissa. Dawn huma l-intrapriżi li aħna kburin bihom u li rridu nkomplu nassistu”, qalet il-Ministru Dalli.

Melanie Galea Cini esprimiet sodisfazzjon għall-passi li se tieħu l-kumpanija u qalet li, “Dan l-investiment ilu mistenni u se jassigura li Lamb Brand tibqa’ tidwi fil-kċina Maltija u anke ’l barra minn xtutna bi prodotti diversifikati, biex tindirizza xejriet ġodda li qed jikbru fis-suq tal-ikel u d-domanda li dejjem qed tikber. Kburin li se nkunu qed noħolqu iktar impjiegi u li bħala negozju tal-familja se nkunu qed inwettqu investiment sostanzjali f’binja rilokata fl-Imrieħel u b’makkinarju minn tal-aħħar”.

Ekonomija

Sport