Friday, December 13, 2024

Investiment ta’ iktar minn €1 miljun fil-Biċċerija Pubblika

Aqra wkoll

Ġie inawgurat investiment ta’ iktar minn miljun ewro fil-Biċċerija Pubblika li wassal biex waqt li jkun issalvagwardjat wirt industrijali uniku fil-gżejjer Maltin, ikun imnaqqas l-impatt ambjentali tal-operat tal-istess impjant permezz ta’ użu ta’ enerġija iktar nadifa. L-investiment totali sar fir-restawr tat-torri storiku tal-ilma, id-daħla tal-Biċċerija, li tmur lura għall-aħħar snin tas-seklu dsatax, u l-installazzjoni ta’ sistema ta’ pannelli fotovoltajċi.

Parti kbira minn dan l-investiment saret f’torri storiku tal-ilma, wieħed mill-ewwel strutturi tal-concrete fil-gżejjer Maltin. Dan kien strumentali għall-operat tal-Biċċerija għal madwar ħamsin sena. It-torri, li kien iddeterjora ħafna maż-żmien, ġie restawrat u issa se jerġa’ jibda jintuża għall-ħażna ta’ ilma ppurifikat li jkun se jintuża fis-sistema ta’ tisħin tal-ilma fil-Biċċerija.

Ir-restawr tat-torri sar b’investiment ta’ madwar €250,000 minn fondi nazzjonali, €70,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar u madwar €500,000 bħala parti minn proġett ta’ riċerka tal-Università ta’ Malta, ikkofinanzjat mill-Unjoni Ewropea bħala parti mill-Horizon 2020.

Ir-restawr sar taħt id-direzzjoni tal-Professur Ruben P. Borg u fih ġew utilizzati teknoloġiji innovattivi li waslu biex Malta tkun fost l-ewwel pajjiżi fl-Ewropa fejn l-istess teknoloġija intużat fil-prattika. Hekk, Malta tpoġġiet fuq il-mappa f’dak li għandu x’jaqsam ma’ riċerka avvanzata fuq concrete. F’dan it-torri ġiet installata ukoll sistema li żżommu taħt moniteraġġ kontinwu biex b’hekk, bħala parti mill-istess riċerka, jkunu osservati dawn il-materjali innovattivi f’kundizzjonijiet ambjentali u ta’ operat differenti.

Il-post fejn jinsab, kif ukoll il-materjali li huwa magħmul minnhom se jgħinu biex, b’mod partikolari fir-rebbiegħa u fis-sajf, t-temperatura tal-ilma maħżun fiħ titla’, u dan se jgħin fil-proċessi sussegwenti. Dan hekk kif se tiġi utilizzata anqas enerġija biex l-ilma jilħaq it-temperatura ta’ 83⁰C, kif meħtieġ fl-operat tal-Biċċerija.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali José Herrera sostna li ‘l-Marsa hija mogħnija b’patrimonju storiku industrijali, tant li jagħti karattru lil din il-Belt. Parti mill-programm tar-riġenerazzjoni tal-Marsa żgur li għandu jinkludi fih ir-restawr u l-preservazzjoni ta’ dan il-wirt storiku. Illum iċċellebrajna r-restawr t’aspett importanti ħafna ta’ dan il-patrimonju li huwa d-daħla tal-Biċċerija u r-restawr tat-torri tal-ilma li sar b’kollaborazzjoni mad-Direttorat tar-Restawr.’

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar Aaron Farrugia spjega li dan il-proġett, li jinkludi investiment mill-Awtorità tal-Ippjanar (PA), għandu sinifikat ambjentali qawwi. Permezz ta’ dan il-proġett se jitnaqqas il-konsum tal-enerġija, u tal-ilma filwaqt li jiġi prodott inqas karbonju u jassigura li r-riżorsi jintużaw b’mod effettiv. “Dawn huma prinċipji importanti fil-battalja tagħna kontra l-effetti tat-tibdil fil-klima.”

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u Sport Clifton Grima faħħar ix-xogħol li qed isir mill-Università ta’ Malta, li mhux biss tħejji lill-istudenti tagħha bl-aqwa mod għad-dinja tax-xogħol, imma wkoll qed tgħin lil diversi setturi u entitajiet billi taqsam magħhom l-għarfien u r-riċerka tagħha. “L-esperjenza vasta tal-Università qed narawha tiġi applikata b’mod tanġibbli f’dan il-proġett, li huwa ta’ importanza industrijali storika. L-Università qed tmexxi inizjattivi li permezz ta’ kollaborazzjoni kemm internazzjonali u lokali, qed tmur ‘lil hinn mill-funzjoni edukattiva tagħha, u tħares ukoll lejn proġetti siewja għall-ġid komuni”, qal il-Ministru Grima.

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo tenna li “dan huwa wirt li qed nissalvagwardjaw waqt li inkomplu nippreservawh għall-futur billi qed innaqqsu l-impatt ambjentali tal-operat tiegħu.” Il-Ministru fakkar li l-Biċċerija Pubblika ilha topera mill-istess post sa minn tmiem is-seklu dsatax, u dan jagħmilha unika għaliex hija l-eqdem struttura industrijali li ilha iktar minn 120 sena tintuża għall-istess skop. “Aħna kburin li mhux biss qed nsostnu dan il-wirt kulturali, iżda se nkomplu ntuh l-importanza matul is-sena li ġejja hekk kif fil-Biċċerija se nkunu qed norganizzaw numru ta’ attivitajiet fl-okkażjoni tal-Marsa bħala l-lokalità kulturali 2022.”

Il-Ministru Refalo inawgura wkoll is-sistema ta’ pannelli fotovoltajċi ta’ 250kWp li se tgħin lill-Biċċerija Pubblika biex tnaqqas b’madwar terz il-konsum ta’ enerġija elettrika kkunsmata.

Ekonomija

Sport