Wednesday, December 25, 2024

Investiment ta’ madwar €5 miljuni fl-iskola taż-Żejtun

Aqra wkoll

Il-programm ta’ titjib fl-infrastruttura tal-iskejjel tal-pajjiż għaddej ġmielu. Dan huwa pjan tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol li huwa maħsub biex itejjeb l-ambjent skolastiku għall-istudenti u wkoll għall-edukaturi tagħhom.

Nhar il-Ġimgħa l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici żar l-iskola Sekondarja taż-Żejtun, fejn qed isir xogħol kbir ta’ infrastruttura b’investiment li jlaħħaq madwar €5 miljun.

Il-Ministru Bonnici qalilna, “Qed naħdmu fuq pjan biex intejjbu ferm l-ambjent skolastiku għall-istudenti u l-edukaturi. Fejn huwa possibbli qed nibnu skejjel ġodda, bħal fil-każ tal-Qawra. Imma fejn dan ma jistax isir qed naraw li ninvestu billi nestendu l-ispazju fi skejjel eżistenti, kif qed nagħmlu fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun”.

Filfatt l-Iskola Sekondarja taż-Żejtun se tkun estiża billi inbena sular fuq kull blokka eżistenti tal-binja eżistenti. B’hekk permezz ta’ din l-estensjoni, mifruxa fuq aktar minn 2,500 metru kwadru, qegħdin jiżdiedu 13-il klassi normali, kif ukoll 8 laboratorji għat-tagħlim tax-Xjenza, 2 klassijiet għall-Home Economics, u klassijiet għall-Inġinerija u d-Disinn.

Apparti dan, fl-iskola qegħdin jiġu żviluppati laboratorji u workshops għal suġġetti vokazzjonali, fosthom it-Teknoloġija tal-Informatika, l-Ospitalità, il-Hairdressing, il-Midja, u t-Tessuti u l-Moda. Dawn huma laboratorji u workshops importanti ferm għaliex permezz tat-tagħlim ta’ sugġġetti vokazzjonali, l-istudenti jkunu preparati aħjar għad-dinja tax-xogħol.

Ix-xogħol li qed isir f’din l-iskola mhuwiex dan biss, għaliex apparti l-progett ta’ estensjoni tal-iskola, dan il-proġett jinkludi wkoll l-immodernizzar komplet tal-iskola eżistenti. L-iskola se ssir aċċessibli għall-istudenti kollha, permezz ta’ bini ta’ diversi lifts fil-binja kollha.

Twaqqif ta’ Laboratorji ghal Suggetti Vokazzjonali

Il-Gvern fetaħ laboratorji u workshops fis-Senior Schools kollha madwar Malta u Għawdex, biex l-istudenti jingħataw l-opportunità biex, jekk iridu, jitgħallmu u jitħarrġu f’suġġetti vokazzjonali differenti. Dawn huma dawk is-suġġetti li qabel konna nsejħulhom snajja. Fost dawn is-suġġetti hemm: It-Teknoloġija tal-Informatika, l-Inġinerija, it-Turiżmu u l-Ospitalità, il-Kura tal-Ġisem u x-Xagħar, il-Midja, t-Tessuti, l-Agribusiness, ir-Retailing u l-Health and Social Care. B’hekk, studenti li jispiċċaw mill-Form 5 jistgħu jagħżlu dawn is-suġġetti vokazzjonali biex ikunu ippreparati aħjar għad-dinja tax-xogħol f’diversi setturi.

Naturalment dan il-progett ambizzjuz kien jinvolvi t-twaqqif ta’ laboratorji u workshops specifici ghal dawn is-suggetti fis-Senior Schools kollha. 

Kif kien qed isir ix-xogħol fl-iskola Sekondarja taż-Żejtun għalhekk ma stegħax jonqos li jkunu inkorporati wkoll laboratorji għal dan il-qasam ta’ studju. F’ħafna mill-iskejjel, spazji eżistenti kienu konvertiti f’dawn il-laboratorji, imma fis-Senior Schools tal-Imrieħel u taż-Żejtun, kienet meħtieġa l-kostruzzjoni ta’ estensjonijiet.

Ix-xogħol kollu f’dawn il-laboratorji u workshops qiegħed isir mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, taħt id-direzzjoni tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Il-laboratorji għal suġġetti vokazzjonali fis-Senior Schools kollha setgħu jsiru b’investiment li laħħaq madwar €10 miljuni.

Sejba ta’ Fdalijiet Arkeoloġiċi

Interessanti ferm fix-xogħol li qed isir fl-iskola taż-Żejtun kienet sejba arkeoloġika oħra. Qed ngħidu “oħra” għaliex din mhix l-ewwel waħda li saret.

Fis-sit tal-Iskola Sekondarja taż-Żejtun waqt li kien qed isir dan l-aħħar xogħol instabu fdalijiet ta’ barriera antika waqt sorvelljanza li kienet qed issir minn arkeologi li kienu ddelegati mis-Sovraintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Dawn il-fdalijiet possibilment jiffurmaw parti mill-kumpless ta’ Villa Rumana li kienet instabet fil-viċin fis-snin 60. Il-fdalijiet tal-Villa Rumana, li llum huma parti mill-kampus tal-iskola, ilhom jiġu skavati minn arkeologi f’diversi kampanji ta’ studju inkluż f’dawn l-aħħar snin mid-Dipartiment tal-Istudji Klassiċi u Arkeoloġija tal-Università ta’ Malta. Din il-barriera se tkun inkorporata fil-proġett u se titgawda mill-istudenti tal-iskola.

“Dan huwa żieda eċitanti f’din l-iskola”, qalilna l-Ministru Bonnici, “li jkollok l-istorja ta’ pajjiżna parti minn kamp skolastiku huwa bonus mhux biss għall-istudenti kollha li jattendu f’din l-iskola imma dawn il-fdalijiet jarrikkixxu bil-kbir l-esperjenza skolastika speċjalment għal dawk l-istudenti li għandhom għal qalbhom l-istorja ta’ pajjiżna”.

Dwar ix-xogħol kollu li qed isir fl-iskejjel b’mod ġenerali, l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici, irringrazzja lill-ħaddiema kollha tal-FTS li huma nvoluti f’dan il-proġett kbir. Il-Ministru Bonnici qalilna, “Aħna bħala Gvern kommessi li ntejbu ħajjiet l-istudenti tagħna biex huma jkunu jistgħu jħarsu lejn l-edukazzjoni bħala xi ħaġa oltre minn sempliċiment ktieb jew karta tal-eżami. Bis-saħħa tax-xogħol li qed isir qed naraw li ssir manutenzjoni fl-iskejjel u anki qed isir xogħol ta’ tisbieħ ukoll. Dan qed isir bil-għan li ntejjbu l-ambjent skolastiku biex l-istudenti jieħdu gost fil-ħin li jqattgħu fiżikament fl-iskola. Kulħadd jieħu gost jidħol f’post sabiħ u attrezzat u kkulurit, kemm l-għalliema u l-edukaturi tagħna, kif ukoll l-istudenti. Għalhekk napprezza u nirringrazzja lil kull persuna li hija nvoluta biex isir it-twettieq ta’ dan ix-xogħol għall-benefiċċju tas-sistema edukattiva tagħna.”

Ekonomija

Sport