Thursday, November 14, 2024

Investiment ta’ miljun ewro għal erba’ proġetti oħra ta’ housing speċjalizzat

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes ħabbar li b’investiment ta’ miljun ewro se jkunu qegħdin jitwettqu erba’ proġetti oħra ta’ housing speċjalizzat, proġetti li għalihom entitajiet mhux governattivi jiġu allokati proprjetajiet tal-gvern li tħallew għal snin twal fi stat dilapidat u jingħataw il-fondi neċessarji sabiex iwettqu x-xogħlijiet fihom biex ikunu jistgħu joffru servizz speċjalizzat.

Wara sejħa ta’ interess li għaliha ġew sottomessi ħdax-il proposta, il-bord ta’ housing speċjalizzat imwaqqaf għal dan l-għan għażel il-proġetti:

  • Dar Qawsalla proposta mill-MGRM;
  • YMCA Communal House proposta minn YMCA Malta;
  • Dar Mixtla proposta minn Fondazzjoni Sebħ;
  • Estensjoni ta’ Dar Tereża proposta mill-Fondazzjoni Richmond.

Il-Ministru Roderick Galdes tenna li l-gvern, permezz tal-investiment li għamel f’dawn il-proġetti, irrikonoxxa d-differenza li servizz speċjalizzat f’ambjent speċjalizzat qiegħed jagħmel fil-ħajja ta’ faxex speċifiċi tas-soċjetà.

“Is-sena l-oħra tkellimna dwar dawn il-proġetti ta’ housing speċjalizzat bħala proġetti pilota, illum qegħdin nitkellmu fuq proġetti ta’ housing speċjalizzat li se jsiru b’investiment ta’ miljun ewro, investiment li huwa d-doppju minn dak allokat mill-gvern fl-2019. Is-sena 2021 se tara wkoll aktar proġetti ta’ dan it-tip hekk kif għat-tielet darba bħala gvern allokajna miljun ewro oħra għal dawn il-proġetti”.

Huwa spjega li l-għeruq ta’ dawn il-proġetti ġejjin mill-esperjenzi ta’ żgħażagħ, adulti, ġenituri u familji li l-vuċi tagħhom sabet widen dan il-gvern.

“Esperjenzi li komplew jikkonfermaw li l-viżjoni tagħna għas-settur tal-housing f’pajjiżna kienet fit-triq it-tajba għaliex kienet tinkludi dan il-kunċett ta’ housing speċjalizzat li rrikonoxxa għall-ewwel darba l-bżonn li persuna ma tingħatax biss saqaf iżda tingħata wkoll l-attenzjoni speċjalizzata li tirrikjedi”.

Il-Ministru Roderick Galdes sostna li dawn il-proġetti ta’ housing speċjalizzat huma kunċett innovattiv fil-qasam tal-housing għaliex jgħaqqdu l-istruttura, id-disinn sostenibbli u s-servizzi soċjali flimkien filwaqt li qegħdin ikomplu jsaħħu t-tielet settur f’pajjiżna.

“Permezz ta’ dawn il-proġetti speċjalizzati aħna sibna mod ta’ kif nilħqu individwi u komunitajiet li huma l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija bħalma huma t-tfal, il-priġunieri, il-persuni b’diżabbiltà, l-anzjani, il-persuni LGBTIQ kif ukoll persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali, proġetti li permezz tagħhom bħala gvern qegħdin inkomplu nsaħħu t-tielet settur billi niddjalogaw, nifhmu u nikkollaboraw ma’ min qiegħed jaħdem f’dan il-qasam kruċjali għal pajjiżna. Id-djalogu kkonferma l-bżonn ta’ dawn l-għaqdiet li jkollhom djar minn fejn joperaw is-servizzi tagħhom”.

Ikkonkluda li hija prijorità tal-gvern li kulħadd ikollu saqaf fuq rasu u li kulħadd ikollu l-opportunità li jimxi ’l quddiem.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Isport, ir-Rikreazzjoni u l-Għaqdiet Volontarji Clifton Grima saħaq li programmi bħal dawn iservu bħala punt ta’ referenza għall-bqija tas-soċjetà Maltija u qed jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi tal-għaqdiet volontarji. Huwa tenna li dawn l-għaqdiet volontarji qed jagħmlu xogħol imprezzabbli minħabba li jinkorporaw l-iskop wara kull għaqda volontarja, l-iskop pubbliku u li tagħmel id-differenza fil-ħajja tan-nies.

Tenna li dan il-programm qed juri bil-fatti li l-volontarjat għandu rwol importanti u qed jagħmel bidla fil-ħajja tan-nies.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega li fil-komunità hemm ċerti kategoriji ta’ persuni li jsibuha iktar faċli li l-ewwel kuntatt li jfittxu meta jinqala’ l-bżonn ikun mal-NGOs. “Għalhekk huwa fundamentali li jekk irridu nibqgħu sensittivi u relevanti bħala awtorità jrid ikollna kuntatt dirett u regolari mal-NGOs soċjali”.

Huwa saħaq li, “Il-proġett ta’ housing speċjalizzat qiegħed jagħti lok biex ix-xogħol tal-NGOs jikkumplimenta dak li jkun qiegħed jagħmel l-Istat għaliex fl-aħħar mill-aħħar il-bżonnijiet taċ-ċittadini kienu u għandhom jibqgħu responsabbiltà tal-Istat”.

Spjega li għat-tieni sena konsekuttiva l-proġett għall-housing speċjalizzat qed isir b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Kamra tal-Periti. Fil-fatt, f’Diċembru li ġej se tkun qed issir kompetizzjoni tad-disinn fuq tliet binjiet li se jkunu qegħdin jiġu utilizzati għal skopijiet ta’ housing speċjalizzat. L-ewwel tliet gruppi klassifikati ser ikunu qegħdin jirċievu wkoll premju finanzjarju.

Ekonomija

Sport