Tinfetaħ it-tieni sejħa għal proġetti li se jibdlu binjiet tal-Gvern li għal snin twal tħallew fi stat dilapidat fi proġetti li se jagħtu servizz speċjalizzat lil cohorts speċifiċi tas-soċjetà
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes fetaħ it-tieni sejħa għal proġetti ta’ housing speċjalizzat b’investiment ta’ miljun ewro. Sejħa għal proġetti li hija miftuħa għal entitajiet mhux governattivi, fondazzjonijiet, għaqdiet u istituzzjonijiet reliġjużi kif ukoll għal gruppi ta’ ċittadini li jingħaqdu flimkien biex joffru servizz f’din id-dar flimkien.
Proġetti li għalihom se jkunu qegħdin jintużaw erba’ proprjetajiet tal-Gvern li huma fi stat dilapidat jew ta’ abbandun li jinsabu fil-Belt Valletta, Birkirkara u San Ġwann.
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li l-Gvern alloka aktar flus għal aktar proġetti ta’ dan it-tip wara s-suċċess tal-proġetti pilota tas-sena li għaddiet li qegħdin jibdlu proprjetà dilapidata f’Bormla u fil-Birgu, f’Dar Terry u f’Dar Bla Ħitan li s-servizz speċjalizzat fihom se jkun qiegħed jingħata mill-Fondazzjoni Richmond u mill-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl.
Huwa tenna li dawn huma “proġetti li jagħtuni sodisfazzjon għaliex huma xhieda perfetta tal-politika li qegħdin nadottaw. Proġetti li mhux biss qegħdin jagħmlu użu minn proprjetà tal-Gvern li għal snin twal tħalliet fi stat dilapidat iżda li permezz tagħhom ftaħna idejna u investejna f’ideat ta’ entitajiet mhux governattivi li mingħajr dan il-finanzjament u mingħajr din il-proprjetà kienu jibqgħu fuq il-karta. B’dawn il-proġetti qegħdin jindirizzaw il-bżonnijiet speċifiċi ta’ cohorts partikolari fis-soċjetà.”
Il-Ministru Roderick Galdes spjega li l-viżjoni tal-housing f’pajjiżna li l-Gvern qiegħed iwettaq hija msejsa fuq il-punt ewlieni li l-bżonn ta’ persuna waħda jkollu l-istess importanza daqs il-bżonn tal-massa. Huwa għalhekk li l-istrateġija tal-housing f’pajjiżna qiegħda tmur lil hinn mill-politika tal-one-size-fits-all.
“Kien ikun faċli għalija bħala ministru li nagħmel pjan ta’ ħidma sempliċi li jpoġġi lil kulħadd f’keffa waħda, iżda ma ridtx hekk, ridt li fi sfond ta’ ekonomija b’saħħitha nallokaw biżejjed flus għas-settur tal-housing f’pajjiżna biex apparti inizjattivi li jindirizzaw l-isfidi tal-massa nindirizzaw ukoll il-bżonnijiet speċifiċi ta’ dawk li kienu jħabbtu fuq il-bibien tal-Gvern, fuq tal-Awtorità tad-Djar u jmorru lura mingħajr għajnuna.”
Min-naħa tagħha ċ-Chairperson tal-Board ta’ Housing Speċjalizzat Dr Rachael Scicluna tenniet li “d-dar hija ċ-ċentru tal-ħajja. Mhijiex biss struttura fiżika, iżda hija simbolu kulturali bbażat fuq valuri, aspirazzjonijiet u memorji individwali u kollettivi. B’din il-perspettiva, il-Bord ħoloq metodoloġija moderna apposta biex djar abbandunati jew vakanti jiġu riġenerati ħalli jagħtu l-ħajja lura fil-komunità. Dan il-metodu huwa mibni fuq kollaborazzjoni bejn il-Gvern, entitajiet pubbliċi bħal Kamra tal-Periti u t-tielet settur kif ukoll maċ-ċittadini. B’din it-tip ta’ kollaborazzjoni nkunu nistgħu nkattru din il-perspettiva sostenibbli filwaqt li nilħqu l-bżonnijiet tas-soċjetà kontemporanja billi nkunu f’kuntatt magħha b’mod kontinwu.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay spjega li minkejja l-proġett ambizzjuż ta’ akkomodazzjoni soċjali, xorta waħda rridu nifhmu li hemm faxxa ta’ persuni li għalihom ċavetta u saqaf fuq rashom ma tkunx biżejjed.
“Dawn il-persuni jeħtieġu aktar minn hekk. Jeħtieġu sapport kontinwu u b’mod personali. Dan huwa l-kunċett li jdawwal il-viżjoni ta’ housing speċjalizzat hekk kif ħadd daqs għaqdiet mhux governattivi ma jistà jagħmel dan possibbli. L-Awtorità dejjem emmnet fil-kollaborazzjoni ma’ NGOs f’setturi differenti. Xhieda ta’ dan hija l-kollaborazzjoni li matul is-sena 2019 l-Awtorità tad-Djar għamlet mal-Fondazzjoni Richmond u Mid-Dlam għad Dawl bi proġetti favur ommijiet bi sfidi ta’ saħħa mentali li spiċċaw bla saqaf fuq rashom u persuni li qed jintegraw lura mil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.”
Huwa kkonkluda billi semma kemm hu importanti wkoll li nifhmu kemm din il-kollaborazzjoni ssarraf f’benefiċċji ta’ after-care għal min jagħmel użu ta’ binjiet li ser jerġgħu jieħdu l-ħajja permezz ta’ dan il-proġett.
Dettall ieħor ta’ dan il-proġett huwa li d-disinn tagħhom jingħażel wara kompetizzjoni tad-disinn li għal sena oħra qiegħda tiġi organizzata f’kollaborazzjoni mal-Kamra tal-Periti. Dan sabiex il-Gvern ikun ta’ eżempju u jippromwovi li d-disinn tad-dar ikun relatat mal-bżonn tal-persuni li se jgħixu fiha.
Is-sejħa għal dawn il-proġetti infetħet illum, 15 tà Ġunju u tagħlaq fis-6 ta’ Lulju. Dawk interessati jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni fuq is-sit housingauthority.gov.mt.