Saturday, December 28, 2024

Investiment ta’ nofs miljun ewro f’residenza ġdida fil-komunità għall-persuni b’diżabilità

Aqra wkoll

Il-Gvern qed jinvesti nofs miljun ewro fi proġett għal residenza ġdida fil-komunità għall-persuni b’diżabilità. Din ir-residenza f’Ħad-Dingli se tkun il-15-il waħda li tinbena, bħala parti mill-Proġett Soċjetà Ġusta li kien wegħda elettorali ta’ dan il-Gvern.

Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat Julia Farrugia Portelli, flimkien mal-Ministru għall-Ekonomija u l-Industrija Silvio Schembri. Il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat se jkun qed jagħmel l-investiment ta’ nofs miljun ewro fl-iżvilupp ta’ din ir-residenza, filwaqt li l-art għar-residenza se tingħata mill-Awtorità tal-Artijiet.

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li dan hu proġett li l-Gvern jemmen ħafna fih peress li jibni fuq il-kunċett li aktar persuni b’diżabilità jkomplu jgħixu ħajja indipendenti fil-komunità, f’kunċett ta’ dar li toffri ambjent ta’ familja għalihom.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li dan li qed isir kien ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor, tant li qed ikun hemm kunsilli lokali li jitolbu biex jingħaqdu mal-Gvern f’dan il-proġett inklussiv. Fil-fatt, il-Ministru stqarret li kien proprju s-Sindku ta’ Ħad-Dingli Ray Schembri li identifika din il-binja battala u kellu l-viżjoni li din tinbidel f’residenza għal persuni b’diżabilità.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Silvio Schembri qal li dan il-proġett u d-diversi proġetti li kellna għaddejjin f’pajjiżna tul l-aħħar disa’ snin setgħu jsiru u qed isiru għax pajjiżna, qabad ritmu ta’ tkabbir ekonomiku li qatt ma rajna bħalu qabel. “Iktar ma jkollok tkabbir, iktar se jkollok flus biex taħdem u tqassam il-ġid. Illum Malta għandha t-tieni l-akbar tkabbir ekonomiku minn fost il-pajjiżi membri kollha tal-Unjoni Ewropea u t-tbassir tal-istess Unjoni Ewropea hu li matul din is-sena li qegħdin fiha Malta saħansitra se tkun fil-quċċata.”

Il-Ministru Schembri qal li l-aħħar sentejn kienu sentejn ta’ pandemija. “Kienu sentejn li għaddejna minnhom bla ma tajna ebda skossi lill-ekonomija ta’ pajjiżna u mhux talli hekk, talli żgurajna li ma jkollniex ebda telf ta’ impjiegi filwaqt li ħarisna l-ħajjiet u sostnejna l-għajxien ta’ eluf ta’ familji Maltin u Għawdxin.”

Huwa temm jgħid li mexxejna pajjiżna b’għaqal sabiex żammejna il-finanzi fis-sod u għax żammejna l-finanzi fis-sod nistgħu nibqgħu nkunu ta’ spalla ma’ min għandu bżonn, inkluż fil-każ ta’ dan il-proġett li qed inħabbru illum.

Din il-binja, li bħalissa hi tal-Awtorità tal-Artijiet, se tiġi ttrasferita lil Aġenzija Sapport, filwaqt li tiġi rinnovata u mibdula f’residenza fuq żewġ sulari li fiha tilqa’ erba’ persuni b’diżabilità. Il-persuni b’diżabilità se jkollhom l-opportunità li jgħixu b’mod indipendenti bl-għajnuna tas-support workers minn Aġenzija Sapport, filwaqt li jkomplu jtejbu l-abbiltajiet tagħhom. Fir-residenza se jkunu jistgħu jgħixu persuni b’diżabilità ta’ etajiet differenti u anke bi bżonnijiet differenti minn xulxin.

Peress li din ir-residenza tinsab f’Żona ta’ Konservazzjoni Urbana, l-istil u l-iżvilupp tal-proġett se jiġu determinati madwar dawn iċ-ċirkostanzi b’rispett totali lejn il-fiżjonomija ta’ din iż-żona fil-qalba tar-raħal.

Il-pjanti mistennija jitlestew fil-ġimgħat li ġejjin, biex imbagħad jiġu ppreżentati quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Ix-xogħol fuq dan is-sit mistenni jibda s-sena d-dieħla.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport, Ruth Rose Sciberras, irringrazzjat lill-Awtorità tal-Artijiet għall-kollaborazzjoni sabiex din il-proprjetà f’Ħad Dingli twassal għal proġett ta’ residenza ġdida li ser tkun qed toffri ambjent ta’ dar lil erba’ persuni b’diżabilità.

Dawn id-djar fil-komunità huma strumentali għall-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità għax joffru spazju aċċessibbli u b’faċilitajiet moderni, fejn flimkien mas-support workers tagħhom, ikunu jistgħu itejbu l-kwalità tal-ħajja tagħhom waqt li jakkwistaw aktar ħiliet sabiex jgħixu ħajja indipendenti.

Ekonomija

Sport