Saturday, November 8, 2025

Investiment totali ta’ €30 miljun biex jissaħħaħ il-wirt intanġibbli u t-tradizzjoni tal-Festa Maltija

Aqra wkoll

Ftit jiem wara l-preżentazzjoni tal-Budget 2026, il-Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali kkonkluda b’mod definittiv il-proċess tax-xiri tas-sede tal-Banda King’s Own tal-Belt Valletta. 

Din is-soċjetà kienet f’riskju reali u serju li tiffaċċja żgumbrament mis-sede tagħha minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-kirjiet ta’ qabel l-1995.

B’kollox il-Ministeru investa €7.4 miljun għall-akkwist tal-proprjetà bħala l-ħlas għax-xiri tal-binja u kif ukoll €1.8 miljun li jirrappreżentaw ħlas ta’ danni lis-sidien skont il-liġi. B’hekk telgħu għal 13 l-ammont ta’ sede ta’ soċjetajiet mużikali li l-Ministeru ikkonkluda b’mod definittiv il-proċess ta’ xiri tagħhom u ma’ dawn trid tiżdied proprjetà oħra li għadha fuq konvenju, jiġifieri dik b’rabta mas-Sede tas-Soċjetà Madonna ta’ Pompei ta’ Marsaxlokk u jrid isir kuntratt finali dwarha. 

Il-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal “Illum qed inwasslu serħan il-moħħ lil Soċjetà oħra storika li għal snin twal kienet pilastru tal-Festa Maltija. Il-Gvern qed jassigura li din il-proprjetà tkompli tintuża għall-ġid tal-komunità u tal-kultura. Qatt qabel ma kien hemm Gvern li investa daqshekk fil-festi – b’aktar minn €30 miljun biex isalva 14-il każin tal-banda, bil-festi jiġu rikonoxxuti ukoll mill-UNESCO bħala Wirt Intanġibbli Dinji.”

“Dan kollu juri kemm dan il-Gvern jemmen fil-wirt kulturali tagħna u fil-qawwa tal-identità Maltija ­– dan kollu huwa possibbli għax Malta għandha ekonomija soda u b’saħħitha,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

It-tlettax-il sede ta’ soċjetajiet mużikali li nxtraw b’mod konklussiv mill-Ministeru sa issa huma: is-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Marija Reġina Marsa A.D.1977, is-sede tal-Għaqda Mużikali Stella Levantina ta’ Ħ’Attard, is-sede taċ-Circolo San Giuseppe Filarmonika Sagra Familja tal-Kalkara, is-sede tas-Soċjetà Każin Santa Liena Banda Duke of Connaught’s Own ta’ Birkirkara, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Antoine de Paule ta’ Raħal Ġdid, is-sede tas-Soċjetà Mużikali Stella Maris ta’ Tas-Sliema, is-sede tal-Għaqda Mużikali San Pietru fil-Ktajjen ta’ Birżebbuġa, is-sede tal-Għaqda Soċjomużikali Anici ta’ Ħal Qormi, is-sede tas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija Mosta, is-sede tas-Soċjetà Sant’Andrija ta’ Ħal Lija u s-sede tal-Banda 12th May f’Ħaż-Żebbuġ.

B’kollox il-Ministeru hu mistenni li jinvesti total ta’ €30 miljun meta wieħed iqis l-ammont li diġà ġie investit fl-akkwist tat-tlettax-il proprjetà msemmija u l-ammont li jrid jinħareġ meta wieħed iqis li hemm is-sede Madonna ta’ Pompei ta’ Marsaxlokk li għad irid isir kuntratt finali dwarha.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport