Thursday, November 13, 2025

Investiment u monitoraġġ avvanzat biex tiġi preservata ċ-Ċittadella 

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li l-Ministeru qed iwettaq ħidma intensiva u investiment kbir fiċ-Ċittadella, wieħed mis-siti storiċi u kulturali l-aktar sinifikanti f’pajjiżna li jilqa’ eluf ta’ viżitaturi kuljum. L-iskop ta’ dan l-investiment hu li jiġi żgurat li dan is-sit uniku jkun protett u ppreservat permezz ta’ monitoraġġ avvanzat u riċerka xjentifika kontinwa.

Fil-fatt, il-Ministeru qed imexxi studju ġeoloġiku u ġeotekniku dwar is-swar taċ-Ċittadella. Dan l-istudju għandu l-għan li jinvestiga fit-tul in-natura tal-art f’żoni sensittivi u jissupplimenta d-data diġà miġbura permezz ta’ sistemi moderni ta’ monitoraġġ. Barra minn hekk, l-istudju jgħin fl-identifikazzjoni ta’ interventi potenzjali biex jittaffew l-effetti ta’ movimenti ġeoloġiċi u ġeomorfiċi fi ħdan u madwar is-sit, b’enfasi partikolari fuq l-istrati tat-tafal.

Il-Ministru Clint Camilleri qal, “Bdew l-istudji ġeotekniċi fiċ-Ċittadella anki wara li ġew innutati ftit konsenturi. Dan qegħdin nagħmluh sabiex l-ewwel u qabel kollox ninstallaw is-sensors, isiru l-boreholes sabiex ikollna l-apparat meħtieġ f’postu u tkun tista’ toħroġ id-data u l-monitoring għas-snin li ġejjin, fejn qegħdin naraw għal perjodu ta’ ħames snin sabiex wieħed ikun jaf kif qiegħed jimxi l-moviment anki sotterran, taħt din il-belt.” Huwa spjega kif wieħed se jkun jista’ jidentifika jekk hemmx bżonn isiru interventi addizzjonali la darba jkun hemm id-data u l-analiżi tagħha.

Għal dan il-għan, twaqqaf tim speċjalizzat ta’ esperti biex iwettaq strateġija ta’ investigazzjonijiet preliminari, iħejji pjanijiet dettaljati tas-sit u jidentifika żoni ta’ interess ġodda, anke lil hinn minn dawk magħrufa qabel. Ġew determinati l-postijiet preċiżi għat-tħaffir ta’ madwar 25 ħofra li jvarjaw minn 10 sa 50 metru fil-fond madwar il-fortizza. Sa issa, tħaffru diversi boreholes fiż-żona tad-ditch, fi Triq Bieb l-Imdina u fuq il-Bastjun ta’ San Mikiel.

Matul is-sena d-dieħla, il-Ministeru għandu l-ħsieb li jintroduċi sistema ta’ monitoraġġ awtomatizzata mfassla apposta għar-rekwiżiti uniċi taċ-Ċittadella. Din is-sistema se tinkludi teknoloġiji avvanzati bħal aċċess remot, online portals, sistemi sofistikati ta’ rkupru ta’ data u għażla bir-reqqa ta’ sensors.

Dan il-monitoraġġ modern se jippermetti li jiddistingwi preċiżament bejn movimenti naturali kkawżati minn varjazzjonijiet fit-temperatura u deformazzjonijiet fuq livell ta’ pedament, sabiex kwalunkwe problema tiġi identifikata u indirizzata b’mod effettiv u f’waqtu.

Il-proġett jirrifletti l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar lejn il-preservazzjoni u l-ħarsien taċ-Ċittadella. Permezz ta’ monitoraġġ mill-qrib ta’ movimenti ġeoloġiċi potenzjali, dawn l-isforzi qed jiġu mfassla biex jiggarantixxu li dan is-sit storiku jibqa’ jitgawda mill-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.

Din l-inizjattiva tkompli fuq snin ta’ xogħlijiet estensivi ta’ konservazzjoni, restawr u riġenerazzjoni li għenu biex jippreservaw il-karattru uniku taċ-Ċittadella. Investimenti sostanzjali diġà saru għar-restawr tas-swar antiki, ir-riabilitazzjoni tal-istrutturi u t-titjib tal-faċilitajiet għall-viżitaturi. Dawn l-isforzi kollettivi trasformaw iċ-Ċittadella f’destinazzjoni vibranti, simbolu tal-identità Għawdxija u riżorsa kulturali għal kulħadd.

Il-Ministru Clint Camilleri temm jgħid, “Dan huwa studju importanti sabiex fl-aħħar mill-aħħar qegħdin naħsbu bil-quddiem għal interventi li hemm bżonn isiru biex dan il-wirt storiku jibqa’ jiġi preservat.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport