Saturday, December 6, 2025

Investimenti b’qalb soċjali

Aqra wkoll

Kelli l-opportunità nżur il-Caritas Community Centre. Ċentru mgħammar b’faċilitiajiet biex din l-organiżazzjoni tkun tista’ tgħin tant u tant persuni u familji. Dan iċ-ċentru li jinsab fil-Blata l-Bajda huwa riżultat ta’ proġett għaqli li sar b’impenn ta’ bosta. 

Hemm 600 persuna li regolarment tingħata għajnuna minn dan iċ-ċentru. Matul iż-żjara kelli l-opportunità nara attività ma taqta’ xejn. 

Tim ta’ persuni ħabbrieka magħmula minn professjonisti b’ħilieta varji iżda wkoll voluntiera dedikati u lesti jagħtu daqqa t’id. Ħidmiet varji biex tingħata assistenza mill-aqwa iżda wkoll ħidma amministrattiva biex il-Caritas tkun ippreparata biex tagħti aktar servizzi. 

Id-direttur ta’ Caritas Anthony Gatt urieni l-faċilitajiet li hemm f’din il-binja u tani spjega mill-aktar wiesgħa dwar il-ħidma li qed twettaq Caritas kemm dan iċ-Ċentru kif wkoll fil-posijiet l-oħra minfejn toffri s-servizzi tagħħa. 

Kelli l-opportunità li niltaqa’ ma’ persuna ta’ qalb kbira u trejdjunjonista għal bosta snin, Anġlu Fenech. Minkejja l-eta’ venerabli tiegħu, Anġlu Fenech għadu ferm attiv fil-Caritas. Kontinwament baqa’ jagħti s-seħem tiegħu kif għamel għal bosta snin. 

Il-Caritas Community Centre huwa wieħed minn numru ta’ proġetti li Caritas wettqet permezz ta’ fondi Ewropej. Fil-fatt, dan iċ-ċentru li sewa madwar €4.2 miljun ibbenefika minn investiment ta’ €2.8 miljun minn Fondi Ewropej. Dan jista’ jitqies bħala investiment biex tissaħħaħ ħidma li qed tagħti għajnuna mill-aqwa lil bosta persuni. 

Flimkien ma’ dan il-proġett, Caritas ibbenefikat minn fondi Ewropej għal proġetti oħra li qed isaħħu l-ħidma tagħħa. Il-proġett li wettqet il-Caritas fl-Ibwar wkoll ibbenefika minn madwar €100,000 minn fondi Ewropej. Dan il-proġett qed jagħti għajnuna biex aktar żgħażagħ jingħataw appoġġ edukattiv u tisħiħ tal-ħiliet tagħhom filwaqt li jegħlbu l-vizzji minn sustanzi. 

Magħdud ma’ dan, il-Caritas qed twettaq il-proġett Stepping Stone. Dan wkoll qed jgħin persuni biex ikunu imħejjija tajjeb wara li jkun wettqu programm. 

L-investiment ta’ dawn il-fondi Ewropej juru biċ-ċar kemm b’ħidma li ssir flimkien ma’ organizazzjonijiet non-governattivi bħal Caritas, nistgħu inwettqu ħafna ġid. Nistgħu inkomplu nagħmlu investiment li minnhom jibbenefikaw in-nies. 

L-infrastruttura u l-bini li fihom isir l-investiment huwa importanti. Iżda, meta wieħed iqis il-ħidma li ssir u r-riżultati li jkunu qed jinkisbu, wieħed jikkonferma kemm dawn verament jistgħu jitqiesu bħala investiment b’qalb soċjali. 

Grazzi Caritas tal-ħidma bla waqfien. Nawgura aktar ħidma biex inkunu ta’ għajnuna għal oħrajn. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport