Sunday, November 24, 2024

Investimenti mil-LESA b’risq il-komunitajiet lokali

Aqra wkoll

Il-LESA qed tinvesti €3.3miljun f’61 proġett f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż, b’21 minnhom diġa huma lesti, filwaqt li 40 oħra għadhom qed jiġu implimentati. Bħalissa il-LESA wkoll qed tikkonkludi l-allokazzjoni ta’ fondi għas-sena d-dieħla fejn diversi Kunsilli Lokali diġà resqu ‘l quddiem bil-proposti tagħhom sabiex igawdu minn finanzjament ta’ proġetti ġodda fil-qalba tal-lokalitajiet rispettivi. 

Permezz ta’ investiment ta’ madwar €100,000, il-lokalitajiet tal-Fgura u Santa Luċija issa wkoll għandhom vetturi elettriċi għall-qadi u l-bżonnijiet tal-komunitajiet. Dan hu investiment ieħor fin-nies, li jolqot direttament lil dawk l-iżjed vulnerabbli, għal iżjed attività fis-soċjetà. Dawn jingħaqdu, fost oħrajn, mal-lokalitajiet tal-Furjana, Kalkara, Ħal-Lija u San Lawrenz f’Għawdex li lkoll wettqu proġetti simili.

Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza, Byron Camilleri qal li l-LESA qed tibqa’ ssostni l-investiment dirett għan-nies, fil-qalba tal-komunitajiet tagħna. B’dan il-mod, il-LESA qiegħda ssarraf b’mod tanġibbli id-dħul minn kontravenzjonijiet fi proġetti importanti li jagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lin-nies. 

Min-naħa tagħha, s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli qalet li ż-żewġ proġetti għall-użu tal-komunitajiet f’Santa Luċija u fil-Fgura huma l-frott ta’ ftehim li kien sar bejn l-aġenzija LESA u l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali. Permezz ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ Kunsilli Lokali se jkunu qed joffru servizz li jagħti aċċess faċli lir-residenti għas-servizzi neċessarji ta’ kuljum.

Min-naħa tagħhom, is-Sindku ta’ Santa Luċija, Charmaine St. John u s-Sindku tal-Fgura, Pierre Dalli, stqarrew kif il-fondi tal-LESA kienu ta’ sostenn għal-lokalitajiet li huma jmexxu sabiex iwettqu proġetti importanti li minnhom jibbenefikaw ir-residenti tal-lokalitajiet rispettivi. Qalu kif dawn il-vetturi se jkunu ta’ servizz għall-anzjani fiż-żewġ lokalitajiet għall-bżonnijiet essenzjali tagħhom.

Sport