Sunday, September 7, 2025

“Inwarrbu l-partiġġjaniżmu u flimkien nimbuttaw lill-pajjiż ’il quddiem”- il-Prim Ministru Robert Abela

Aqra wkoll

“Lest inkompli naħdem ta’ kuljum ma’ kull min huwa ta’ rieda tajba f’dan il-pajjiż. Ejja nwarrbu l-partiġġjaniżmu u ejja naħdmu flimkien biex nibqgħu nimbuttaw lil dan il-pajjiż ’il quddiem. Tikber fuqi r-responsabbiltà, fuqna lkoll li naħdmu dejjem aktar magħquda flimkien u b’umiltà akbar.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela meta aktar kmieni indirizza attività politika quddiem folla kbira ta’ nies li nġabret fis-City Theatre tal-General Workers’ Union, fil-Belt Valletta.

Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru rrefera wkoll għall-ħatra ta’ Alex Borg bħala Kap ġdid tal-Partit Nazzjonalista u qal li dan la għandu pożizzjoni u lanqas approvazzjoni, fid-dawl tal-fatt li sitta minn kull 10 tat-tesserati ma vvutawlux. Huwa qal li r-riżultat tal-bieraħ kien il-frott ta’ dak il-kaos. Qal li f’dawn l-aħħar 12-il sena, waqt li l-pajjiż kompla miexi ’l quddiem, il-Partit Nazzjonalista baqa’ dejjem miexi lura.

Dr Abela qal li meta tiġi għat-tmexxija, in-nies jiġġudikaw fuq kemm tkun deċiżiv fl-aktar mumenti iebsa u fuq kemm tiddeċiedi fuq in-naħa t-tajba fl-aktar sitwazzjonijiet jaħarqu bħall-pandemija, żewġ gwerer, l-isfida tal-inflazzjoni, kriżi tal-enerġija, ir-rikonoxximent tal-Palestina bħala Stat, u anke ma tibżax tbiddel u ttellaq riformi meta taf li jkollok ħafna kurrenti kontra tiegħek.

Huwa aċċenna wkoll għall-fatt li Gvern Laburista kien, għadu u se jibqa’ jieħu deċiżjonijiet bi qrubija mal-poplu, bi pjan u b’konsultazzjoni wiesgħa u anke bil-għaqal. Qal li f’kull ħaġa li wettqu, kien hemm dik il-viżjoni li tmexxihom – li Gvern Laburista jpoġġi lin-nies l-ewwel u li għalihom kull realtà hi kbira biżżejjed li jeħtieġ li joffri soluzzjoni għaliha.

Il-Prim Ministru qal li dan l-aħħar smajna li pajjiżna għandu l-inqas ammont li qatt kellu fl-istorja tiegħu ta’ persuni li huma dipendenti fuq il-benefiċċji soċjali. Dan fl-istess waqt li qed isir investiment akbar minn qatt qabel fil-qasam soċjali.
“Mexjin lejn budget li se jkollu l-aqwa tal-aqwa investiment soċjali li qatt kellna f’pajjiżna. Dan is-suċċess ma ġarax b’lkumbinazzjoni. Tafu li l-isfidi kollha illi pajjiż normalment jgħaddi minnhom kull mitt sena, għaddejjna minnhom f’dawn l-aħħar ħames snin. Minflok l-isfidi jogħtruna, aktar saħħewna.

“Nemmen li pajjiżna jrid jibqa’ jkollu middle class b’saħħitha. Għalhekk tajna l-akbar tax cut fl-istorja tal-pajiiż. Il-wegħda elettorali ta’ tnaqqis fit-taxxa tal-kumpaniji se titwettaq ukoll.

“Ta’ kuljum nattiraw ix-xogħol, u l-investiment ġdid lejn pajjiżna u qridna l-qagħad ukoll. Ħloqna suq tax-xogħol li ma joħloqx jobs imma karrieri. L-anzjani tagħna raw id-dħul tagħhom jikber u jissaħħaħ sena wara l-oħra. Illum kburi li niġi hawn u ngħidulkom li l-anzjani kollha ftit tal-ġimgħat oħra, il-kwalità tal-ħajja tagħkom se terġa’ tieħu mbuttatura oħra ’l fuq,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport