Il-bidu tas-sena 2026 fisser il-bidu ta’ diversi miżuri li tħabbru fid-diskors tal-budget għal din is-sena. Miżuri li qed jagħmlu differenza kbira għall-familji Maltin u Għawdxin għax se jħallu aktar flus fi bwiet in-nies. Miżura ewlenija għal din is-sena hija t-tnaqqis fit-taxxa għall-ġenituri. Is-sena li għaddiet, il-gvern daħħal miżura fis-seħħ ta’ tnaqqis fit-taxxa għall-ħaddiema kollha.
Dan diġa kien mezz kif il-ħaddiema itejjbu d-dħul tagħhom. Wegħda fil-programm elettorali li twettqet imma mhux hekk biss. L-ammont li bih tnaqqset it-taxxa huwa aktar minn dak li kien imwiegħed. Dis-sena, il-gvern se jkompli jsaħħaħ it-tnaqqis fit-taxxa imma se jkun qed iwieżen iżjed lill-ħaddiema li huma ġenituri li għandhom tfal żgħar jew tfal sa 23 sena li għadhom jattendu isitituzzjoni tal-edukazzjoni.
Il-mod kif qed jitħaddem dan it-tnaqqis fit-taxxa se jwieżen l-aktar lil min għandu żewġt itfal jew aktar. Din hija miżura li turi b’mod konkret kif il-Gvern irid jgħin lil min qed irabbi u b’hekk qed isostni l-familji li qed irabbu l-ġenituri t’ għada. Flimkien ma’ din il-miżura importanti, il-ġvern qed ikompli isaħħaħ il-pensjonijiet.
Għal sena wara oħra, il-gvern saħħaħ il-pensjonijiet. Din is-sena biss, il-pensjonanti qed igawdu minn żieda ta’ €10 fil-ġimgħa. Dawn huma żidiet mill-aktar importanti għaliex ikomplu itejbu d-dħul tal-anzjani kif wkoll itejbu l-kwalità tal-għajxien tagħhom. Dawn huma biss parti mill-impenn li qed iseħħ bħalissa b’risq il-poplu Malti biex inkomplu inwettqu dak li wegħdna. Ta’ min wieħed ifakkar li dan kollu qed iseħħ għaliex il-gvern qiegħed jagħmel l-għażliet favur in-nies. Il-priorità tagħna hija li naraw lil kulħadd jimxi ‘l quddiem u lil poplu tagħna igawdi mis-suċċess ekonomiku li qed inwettqu bħala pajjiż.
Li nitkellmu dwar kif se nqassmu l-ġid huwa importanti iżda biex inqassmu l-ġid f’pajjiżna l-ewwel irridu nassiguraw li jkollna ekonomija li tirnexxi u li tkompli toħloq il-ġid. Sa mill-2013 ‘l hawn, kemm ilu li fdana l-poplu bit-tmexxija tal-pajjiż, dan il-gvern ħadem bi sħiħ biex naraw li l-ekonomija ta’ pajjiżna timxi ‘l quddiem u tkompli tikber. Għal sena wara oħra, pajjiżna irreġistra tkabbir ekonomiku b’rati mingħajr ebda preċedent.
Tkabbir li rriżulta fil-ħolqien ta’ postijiet tax-xogħol li wassal għall-inqas numru ta’ persuni jirreġistraw għax-xogħol li qatt kellu pajjiżna. F’Awissu li għadda, f’pajjiżna kien hawn 298,738 li kellhom post tax-xogħol full-time. Din kienet żieda ta’ aktar minn 4% fuq in-numru ta’ persuni b’impjieg full time fis-sena ta’ qabel. Jekk wieħed iħares aktar lura lejn Lulju tas-sena 2013, f’Malta kien hawn 157,000 persuna li kellha impjieg full time.
Dan ifisser li jekk wieħed iqabbel in-numru ta’ nies b’impjeg full-time fl-ewwel xhur meta Gvern Laburista ingħata l-fiduċja biex imexxi ma’ dak ta’ Awwissu 2025, f’pajjiżna kien hemm żieda ta’ kważi 142,000 persuna taħdem full time. Altru milli Labour Won’t’ Work kif qalu tal-PN qabel 2013. Pajjiżna fl-aħħar snin kiseb riżultati ekonomiċi b’saħħithom. Il-Gvern saħħaħ il-finanżi tiegħu minkejja li naqqas il-piż tat-taxxi fuq il-ħaddiema u l-familji għaliex ħdimna biex ikollna tkabbir ekonomiku.
Is-suċċess ekonomiku li qed naraw illum irid iservi wkoll bħala l-bażi ta’ aktar suċċess fil-futur. L-għażliet li saru sal-lum taw riżultati mill-aqwa. Fiż-żmien li ġej, bl-għażliet li qed nagħmlu llum se nkompli nfasslu futur li joħloq aktar opportunitajiet u aktar suċċess fil-ġejjieni.

