Friday, November 14, 2025

Inwettqu l-investimenti meħtieġa 

Aqra wkoll

Id-diskussjonijiet dwar l-estimi ta’ kull Ministeru għaddejjin ġmielhom. Kull seduta hija opportunita’ biex il-Ministri jispjegaw il-ħidma ta’ kull ministeru li tkun seħħet matul din is-sena u dak li qed jiġi mfassal għas-sena d-dieħla. 

Id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru tad-dekasteru tiegħi serviet biex nispjegġa l-investimenti ewlenin li se nwettqu fix-xhur li ġejjin bħala parti mill-viżjoni u l-pjan tal-gvern għal pajjiżna. Mid-diversi inizjattivi li semmejt hemm tnejn li nemmen li jikkonfermaw b’mod ċar l-impenn tagħna bħala gvern fit-tisħiħ tal-qasam diġitali kif wkoll fil-qasam ambjentali. 

L-investiment ta’ €30 miljun minn fondi Ewropej fil-qasam diġitali se jservi biex ngħinu lil negozji isaħħu l-infrastruttura diġitali tagħhom filwaqt li nagħtu aċċess għal aktar taħriġ f’dan is-settur. Il-budġet għas-sena 2026 qed iressaq ‘l quddiem pjan b’saħħtu biex il-qalba lejn ekonomija aktar diġitali tkompli tirranka. 

Huwa meħtieġ li nwettqu investimenti fl-infrastruttura diġitali ta’ pajjiżna bħalma għamilna bl-investiment ta’ €1.5 miljun biex inxtara supercomputer li jagħti lok għat-twessiegħ ta’ opportunitajiet f’dan is-settur. L-investiment fl-infrastruttura biss mħux bizzejjed. Irridu ninvestu f’aktar taħriġ kemm għat-tfal u ż-żgħażagħ iżda wkoll irridu nkomplu ninvestu f’min diġa daħal fid-dinja tax-xogħol biex ikun imħejji għall-bidliet li d-dinja diġitali qed iġġib magħħa. 

L-investimenti fil-qasam diġitali qed jiġi wkoll imsaħħaħ bl-iskema tal-one device per cħild. Qed nagħtu laptop lill-istudenti tas-snin 7,8,9 fl-iskejjel kollha biex niżġuraw li t-tagħlim jiġi mġedded u nkomplu nħejju lil pajjiżna għall futur. Dan il-proġett għandu investiment ta’ 54 miljun euro u jista’ jitqies bħala wieħed rivoluzzjonarju. 

Fost l-iniżjattivi ambjentali li qed iħabbar dan il-budġet qed ninvestu €24 miljun minn fondi Ewropej biex ikollna aktar spazji miftuħa. Bħalissa għaddejjin diversi proġetti madwar Malta fosthom wieħed bejn l-Imqabba u l-Qrendi, l-Fgura u ieħor f’Baħar iċ-Ċagħaq li se jagħtu spazji miftuħa mill-isbaħ għall-familji. Bil-fatti u bl-investimenti li qed nagħmlu qed inwettqu dak li wegħdna qabel l-aħħar elezzjoni. 

Dwar it-twettieq tal-Manifest Elettorali, nofs il-miżuri tal-Budġet 2026 qed jindirizzaw it-twettieq ta’ miżuri li tħabbru fil-Manifest Elettorali Malta Flimkien. Għalina l-programm elettorali huwa r-rabta tagħna mal-poplu li jkun silifna l-fiduċja tiegħu biex immexxu lil dan il-pajjiż. Nibqgħu immexxu u nwettqu dak li nwegħdu. 

Waqt id-dibattitu segwejt il-kummenti li għamel il-kelliem għall-Oppożiżjoni dwar fondi Ewropej l-Onor Graħam Bencini. Id-diskors tiegħu semma numru ta’ aspetti u anke ressaq proposti marbuta mas-settur. Il-proposti semmew affarijiet li diġa’ qegħdin isiru b’suċċess. Il-proposta li f’pajjiżna jkollna aġenzija li tagħti ġwida lill-pubbliku dwar il-fondi Ewropej diġa qed isseħħ permezz tal-Aġenzija Servizzi Ewropej f’Malta u fil-qasam tal-agrikoltura qed issir mill-uffiċċini ta’ AgriConnect. 

Il-fatt Ii l-Oppożizzjoni għamlet din il-proposta, minkejja li diġa qed isseħħ tgħid ħafna dwar l-Oppożizzjoni. Aktar minn hekk tindika li fit-tħaddim tal-fondi Ewropej u l-aċċess li qed jingħataw in-nies ninsabu fit-triq it-tajba. Biss biss, fl-aħħar tlett snin 60% tal-applikanti li ressqu talba għall-fondi, applikaw għall-ewwel darba. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport