Tuesday, May 14, 2024

Iosif Galea jibqa’ jinżamm arrestat wara li ġie estradit lura Malta mill-Ġermanja

Aqra wkoll

Iosif Galea ta’ 42 sena u li jgħix is-Siġġiewi baqa’ miżmum arrestat wara li tressaq il-Qorti llum waranofsinhar fejn kien akkużat b’reati finanzjarji u użu ħażin ta’ apparat elettroniku, fost l-oħrajn.

Il-Prosekuzzjoni spjegat quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Noel Bartolo li Galea ġie estradit lura lejn Malta mill-Ġermanja l-Ħamis filgħodu u dan seħħ wara li l-awtoritajiet Maltin kienu ħarġu mandat t’arrest Ewropew.

Galea li kien jaħdem mal-Awtorità Maltija għal-Logħob kien ilu jiġi mitkellem mill-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Finanzjarji fejn saħansitra l-akkużi jmorru lura lejn l-2012.

Filwaqt li Galea wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, id-difiża għamlet talba għall-ħelsien mill-arrest. Din it-talba sabu oġġezzjoni kbira mill-Prosekuzzjoni minħabba l-gravità tal-każ. Il-Prosekuzzjoni qalet li hemm biża’ reali hekk kif għad hemm diversi persuni li jaħdmu fl-Awtorita Maltija għal-Logħob li għad iridu jixhdu.

Min-naħa tagħha d-difiża argumentat li l-klijent tagħhom kien emozzjonalment imfarrak fejn kien hu li nsista li jiġi lura Malta. Wara sena u nofs ħabs il-Ġermanja ried li jiġi lura d-dar.

Wara li sema’ ż-żewġ naħat, il-Maġistrat Bartolo ċaħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest filwaqt li ordna l-iffriżar tal-assi kollha tal-imputat.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat Francesco Refalo mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, assistit mill-Ispettur Marcus Cachia mit-Taqsima tas-Cybercrime u mill-Ispettur Brian Paul Camilleri mit-Taqsima ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus. Għal Galea deher l-Avukat Edward Gatt.

Aktar kmieni: Iosif Galea mistenni li jitressaq il-Qorti fil-ħin li ġej

Iosif Galea se jkun qiegħed jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Noel Bartolo fejn se jkun qiegħed jiġi akkużat b’reati finanzjarji u użu ħażin ta’ apparat elettroniku, fost oħrajn.

Il-Pulizija fi stqarrija qalu li dalgħodu hu ġie estradit lura lejn Malta mill-Ġermanja permezz ta’ Mandat ta’ Arrest Ewropew, maħruġ fuq talba tal-Awtoritajiet Maltin.

Sport