Wednesday, October 30, 2024

Iosif Galea jingħata l-ħelsien mill-arrest b’diversi kundizzjonijiet

Aqra wkoll

Iosif Galea, ir-raġel li fl-aħħar jiem ġie estradit lejn Malta mill-Ġermanja, illum ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet.

Filwaqt li wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih fosthom ta’ ħasil ta’ flus, deher imbikkem hekk kif il-Qorti aċċettat it-talba tal-ħelsien mill-arrest.

Dalgħodu bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Galea fejn l-Ispettur Marcus Cachia, uffiċjal mill-cybercrime unit ta dettalji dwar kif bdiet l-investigazzjoni fosthom wara storja li kienet ippubblikata fuq portal lokali f’Diċembru tal-2020. F’dik l-istorja kienu ġew ippubblikati diversi dokumenti li kienu ngħataw lill-ġurnalisti minn sorsi mill-Awtorità Maltija għal Logħob.

L-Awtorità kienet għamlet investigazzjoni interna kif dokumenti sensittivi kienu spiċċaw f’idejn il-midja, fejn kien ġie ddentifikat ħaddiem li skont l-Awtorità kien hu biss li kellu aċċess għal dawn id-dokumenti. Fl-istess waqt il-pulizija kienu talbu lill-Maġistrat tal-Għassa biex tiftaħ inkjesta.

Il-pulizija fil-Qorti ppreżentaw chats li kienu saru bejn Galea u Farrugia, uffiċjal ieħor fl-Awtorità li minn dawn jidher li kienu qegħdin jippjanaw xi negozju flimkien.

Jirriżulta li waqt li bdiet l-investigazzjoni, Galea kien bgħat messaġġ lil Farrugia fejn qallu li hu kien iċċekkja jekk il-laptop tiegħu kienx ittieħed mill-pulizija filwaqt li qallu wkoll li kien qed ikellem persuni oħrajn bit-tama li l-pulizija jwaqqfu l-investigazzjonijiet tagħhom u ma jieħdu l-ebda azzjoni oħra.

L-avukat tal-akkużat Edwar Gatt fil-Qorti qal li l-proċeduri huma kważi identiċi għal proċeduri oħrajn li Farrugia qiegħed jiffaċċja u dawn jinstabu fi stadju avanzat. Qal ukoll li l-evidenza kollha hija priservata kemm mill-pulizija u anke mill-inkjesta.

Min-naħa tiegħu l-Avukat f’isem l-Avukat Ġenerali, Francesco Refalo qal li jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest, il-kundizzjonijiet għandhom ikunu jirriflettu n-natura tal-akkużi li hemm kontrih.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat il-Maġistrat Rachel Montebello laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq diversi kundizzjonijiet stretti ħafna fosthom li jiffirma 3 darbiet fil-ġimgħa l-Għassa tal-Pulizija, kif ukoll li jħallas €15,000 depożitu u €15,000 oħrajn garanzija personali.

Il-każ se jkompli f’Settembru.

Sport