Monday, November 18, 2024

Ipokrisija politika bla tarf

Aqra wkoll

Il-pensjonijiet f’pajjiżna ilhom snin sħaħ suġġett kontenzjuż. Biżżejjed jingħad illi ta’ spiss jitqanqlu lmenti dwar l-anomaliji li jeżistu f’dan il-qasam u li ħadd sal-2013 ma kellu l-kuraġġ li jaqbad il-barri minn qrunu u jibda jindirizza d-disparitajiet li kien hemm fis-sistema tal-pensjonijiet li qed tweġġa’ sew lill-eluf ta’ pensjonanti.

Il-Gvern Laburista, għax għaraf dawn il-weġgħat, minn dawn l-aħħar snin beda ftit ftit jindirizza l-inġustizzji li kien hemm fis-sistema tal-pensjonijiet. Inġustizzji u anomaliji li ġew legalizzati bil-liġi tal-2006.

F’dan il-kuntest, kontra qalbna jkollna nistqarru li pajjiżna għandu partit fl-oppożizzjoni li qed jidher inkonsistenti f’kulma jgħid u jagħmel. Aktar minn qatt qabel qed naraw li l-partit fl-oppożizzjoni wasal fl-assurdita illi jikkritika dak li fl-imgħoddi għamel huwa stess fi sforz li jdawwar kollox b’mod daqs li kieku l-ħtijiet huma ta’ dan il-Gvern Laburista. Hija ħasra għal pajjiżna li jinsab fl-istat politiku li ġabu fih il-partit nazzjonalista.

Dak kollu li qed jgħid il-PN tal-lum ikompli juri kemm kulma jmur qed ikompli jikkonferma l-inkonsistenza tiegħu. Għax qed jidher ovvju li l-PN tal-lum qed jipprova jiskolpa lilu nnifsu mill-frejjeġ li wettaq fl-imgħoddi tul is-snin li dam fil-gvern. Ilu xhur issa jitfa l-ħtija fuq il-Gvern Laburista ta’ dak kollu li sar ħażin. Hekk ukoll qed jagħmel fejn jidħlu l-anomaliji u l-inġustizzji li ħoloq huwa stess fil-pensjonijiet.

Ftit tal-jiem ilu, kelliema tal-PN, attakkaw lill-gvern għax skont huma mhux jindirizza biżżejjed l-anomaliji li ilhom jeżistu fil-pensjonijiet għal dawk li twieldu qabel u wara l-1962. F’dan kollu iżda ħallew barra minn kliemhom il-fatt li l-anomaliji li qed jitkellmu dwarhom illum, ħoloqhom gvern nazzjonalista ta’ GonziPN.

Li l-pensjonanti kollha ħaqqhom aħjar huwa prinċipju li kulħadd jaqbel miegħu u japprezzah. Mhux illum biss il-pensjonanti ħaqqhom aħjar imma anki kien ħaqqhom aħjar tul il-25 sena ta’ gvern nazzjonalista.

B’hekk għandna għax nifhmu li b’dak li qed jagħmel u jgħid il-PN tal-lum qed jittanta jaħbi l-fatt illi gvern immexxi minnu mhux biss ma ċaqlaq qatt ‘l fuq il-pensjonijiet imma wkoll għal snin twal ċaħħad lill-pensjonanti kollha terz taż-żieda li kienet tingħata bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja.

Jekk irid li xi darba jkun kredibbli, il-PN jeħtieġ li jibda jifhem li ma jistax jibqa’ jilgħab il-logħba li jitfa’ l-ġebla u jaħbi jdejh. Irid jifhem ukoll li l-poplu Malti jaf, bħalma jafu l-pensjonanti kollha illi kellu jkun il-Ministru tal-Politika Soċjali fi ħdan Gvern Laburista li beda jsewwi l-inġustizzji u jindirizza l-anomaliji li ilhom snin jiddiskriminaw bejn pensjonant u ieħor.

Dan beda jagħmlu u aħna konvinti li l-gvern laburista se jibqa’ jagħmlu anki fl-istess waqt li qed iżid il-pensjonijiet minn sena għal oħra kif għamel mill-2013 ‘il hawn. Fatt li ħadd, lanqas il-PN ma jista’ jiċħdu.

Ekonomija

Sport