Monday, June 23, 2025

Ippjanata sejħa nazzjonali għal aktar cat cafes u dog parks 

Intervista mas-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said… X’sar u x’qiegħed isir għall-ġid tal-annimali f’Malta

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

WARA L-FTUĦ TAL-CAT CAFÈ FIŻ-ŻURRIEQ… 

F’dawn l-aħħar snin pajjiżna għamel avvanzi kbar fil-qasam tal-kura u l-ħarsien tal-annimali bl-aħħar inizjattiva tkun il-ftuħ tal-ewwel Cat Cafè f’Malta. F’dan l-ispazju ġdid fiż-Żurrieq in-nies jistgħu jqattgħu ftit tal-ħin ma’ qtates tat-toroq. Rigward din l-inizjattiva u aktar IT-TORĊA għamel intervista mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, li ħabbret pjan ta’ sejħa nazzjonali biex ikollna aktar cat cafes u d-dog parks. Filwaqt li kkonfermat li diġà hemm interess mill-Kunsilli tal-Imtarfa, ta’ Ħal Għaxaq u ta’ Ħaż-Żebbuġ, Bugeja Said qaltilna li l-akbar ammont ta’ applikazzjonijiet huma għad-dog parks.

L-interess fil-cat cafes żdied u permezz tagħhom barra li l-qtates tat-triq se jkunu miġbura, ikkurati u siguri mill-perikli tat-toroq, se jservu ta’ ġid anke għall-pubbliku b’aċċess għal terapija tal-annimali. Barra investiment, liġijiet ġodda u pieni aktar ħorox għal min jaħqar l-annimali, naraw kif grazzi għall-kampanji n-numru tal-adozzjonijiet fl-2024 tela’ għal madwar 300 kelb u 200 qattus. Dan barra l-5,000 qattus li ġew salvati f’dawn is-sentejn permezz tal-kampanja tan-neutering.

Filwaqt li qegħdin isiru passi ta’ ġgant għall-ġid tal-annimali, wara l-Covid kien hemm abbandun “tal-waħx” ta’ annimali domestiċi u l-abbuż, għalkemm differenti, naqas Bugeja Said trid li jsir aktar xogħol b’mod partikolari fejn tidħol l-edukazzjoni, edukazzjoni li żgur se ssarraf għal għarfien siewi għal kull min diġà jrabbi jew għal min irid irabbi xi annimal. L-għan huwa li tkun evitata kull tip ta’ moħqrija jew abbandun.

L-ewwel Cat Cafè f’Malta … Issa ppjanat li jkollna aktar

“Bħala Gvern qegħdin naraw li noħolqu spazji differenti fejn inkunu nistgħu nospitaw annimali differenti. Il-Cat Cafe taż-Żurrieq kienet idea tal-Kunsill Lokali. Huma bbenefikaw mil-LC Care Fund li joħroġ il-Gvern li permezz t’hekk ħolqu dan il-kunċett. Bħalu f’Malta qatt ma kellna però għandna pjanijiet biex naħdmu ma’ Kunsilli Lokali oħra ħalli jekk huma wkoll ikunu jixtiequ jkollhom wieħed, aħna bħala Gvern inkunu nistgħu nagħtu l-fondi u ngħinu b’dak il-mod”.

Hekk bdiet tgħidilna s-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said fejn qalet li hemm ippjannat li joħorġu sejħa kemm għal aktar cat cafes kif ukoll għal aktar dog parks. “Dawn se jsiru flimkien mal-Kunsilli Lokali. Aħna rridu li min-naħa tal-Kunsilli Lokali jsibu l-post adattat huma ħalli jaċċertaw li ż-żona tkun tajba u konformi anke b’rispett lejn ir-residenti. Dan għax bħala Gvern Ċentrali ma nħossx li huwa sewwa li nimponi biċċa art u ma tkunx adattata. Allura jkun il-Kunsill, li jifhem aktar ir-realtajiet tal-lokal, li jidentifika ż-żona. Diġà kellmuna numru ta’ Kunsilli Lokali li identifikaw l-art u li jixtiequ jidħlu f’din l-iskema. Li kellmuna direttament huma dawk tal-Imtarfa, ta’ Ħal Għaxaq u ta’ Ħaż-Żebbuġ. Aħna rridu niftħu sejħa nazzjonali għax klieb u qtates hemm kullimkien. Importanti li jekk hemm Kunsilli Lokali li jixtiequ jidħlu f’din l-iskema, joqogħdu attenti għax fil-ġimgħat li ġejjin se noħorġu s-sejħa nazzjonali”. 

Bugeja Said spjegat kif bl-LC Care Fund jingħataw bejn €10,000 sa €15,000 għal kull proġett. Fl-istess waqt għaddejja skema għall-manutenzjoni tas-santwarji b’għajnuna ta’ €10,000 kull wieħed. Infurmatna li, “l-idea hija li naħdmu wkoll ma’ Project Green bħala entità tal-Gvern biex tkun anke parti mill-ispazji miftuħa tagħhom, spazji kbar biżżejjed li jifilħu jinkorporaw fihom dog park”. 

Eżempji ta’ dawn id-dog parks hemm dak f’Wied il-Għajn u ieħor fiż-Żejtun. Fir-rigward hija aċċennat li, “hawn parks taħt Project Green li huma kbar u jifilħu spazju għall-klieb. Illum hawn min għandu t-tfal u hawn min għandu l-klieb, jew it-tnejn u allura f’dawn il-każijiet trid toħloq spazji li tgħaqqad lit-tnejn. Aħna qegħdin nippruvaw noħolqu spazji għall-klieb li fihom jistgħu jkunu liberi bla ċinga fejn naraw li l-ispazji jkunu għat-tgawdija u għas-sigurtà ta’ kulħadd.

Tazza kafè f’kumpanija sabiħa

S’issa jirriżulta li qiegħed ikun hawn aktar applikazzjonijiet għal dog parks. Bugeja Said spjegat li dawn saru aktar bżonn għax hawn nies jgħixu f’appartamenti bi klieb kbar. “Dawn it-tip ta’ klieb ikollhom bżonn l-eżerċizzju u allura huwa importanti li jkollhom żona fejn jistgħu joħorġu bihom. Però, għalkemm il-cat cafes forsi ma kinitx daqshekk popolari, minn mindu ħabbarna u nedejna taż-Żurrieq, żdied l-interess. Il-ħsieb ta’ dan il-Cafè fiż-Żurrieq huwa li l-Kunsill joffri, b’appuntament, spazju lin-nies li jixtiequ jieħdu kontenitur kafè magħhom u jixorbuh fil-kwiet fil-kumpanija tal-qtates,” kompliet Bugeja Said. 

Hija qalet li wieħed jista’, anke b’attenzjoni, imellishom għax din isservi wkoll bħala terapija mill-annimali. L-idea hija wkoll li jiġbru annimal tat-triq f’din iż-żona. Bħala alf, persuna tista’ tagħti ikel b’donazzjoni lill-amministraturi u mhux direttament lill-qtates. Dan għax ikun hemm qtates bi bżonnijiet differenti fosthom diġestivi u ma jkunux jistgħu jieklu kollox. Ir-riċetta tal-ikel fil-cat cafes jieħdu ħsiebha l-veterinarju u l-professjonisti tal-post. 

Mod kif il-pajjiż jindukra aħjar lill-qtates tat-triq

Fejn jidħlu cat cafes, catteries u santwarji, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said tħoss li dawn huma mod ta’ kif il-pajjiż jista’ jindukra aħjar lill-qtates tat-triq. “Semmejna l-inċidenti. Hija sfortuna li jkollok qtates ta’ barra li jittajru mill-karozzi. Allura, aktar ma naħdmu biex niġbruhom, aktar se noħolqu kuxjenza favur il-benesseri tagħhom. Apparti minnhekk, popolazzjoni ta’ qtates mhux imsewwija, twassal biex il-popolazzjoni tiżdied. Għall-annimali nfushom din hija ħażina għax għandek iktar mard li jista’ jinxtered. Hemm bżonn li l-popolazzjoni tagħhom tkun ikkontrollata għax iktar qtates fit-triq tfisser aktar imwiet kawża ta’ inċidenti”. 

Hija nsistiet li, “din hija xi ħaġa li qegħdin naħdmu fuqha kontinwament. Bħala Gvern qegħdin ninvestu mal-€200,000 fis-sena fil-kampanja tan-neutering li bdejniha sentejn ilu u s’issa sewwejna aktar minn 5,000 qattus. Meta titkellem fuq ammont ta’ 5,000 qattus, tkun salvajt mal-25,000 għax miżerjament, f’sena, jekk qattus jkollu ħamest ifrieħ tkun salvajt 25,000 qattus mit-triq”.

Aċċess għal terapija tal-annimali

Meta toħloq dawn it-tip ta’ cat cafes qiegħed tagħti wkoll post fejn in-nies jistgħu jmorru għall-pet therapy li huwa ta’ ġid kemm fiżiku, mentali u emozzjonali. “Hawn min m’għandux ċans irabbi qattus tiegħu d-dar imma għandu siegħa, sagħtejn ċans fil-ġimgħa biex imur f’xi cat cafe jew f’xi santwarju. Il-preżenza ta’ dawn il-postijiet jgħinu bħala terapija, rikreazzjoni u tgħin lill-qtates ukoll għax iħossuhom maħbuba,” kompliet Bugeja Said. 

Hija tkellmet kif bħala pet therapy ħafna drabi nitkellmu dwar annimali bħaż-żwiemel “imma, jekk ikollna aktar cat cafes mifruxa ma’ Malta, din it-terapija tkun aktar aċċessibbli. Jien se nimbotta biex ikollna cat cafè f’kull reġjun. Meta tiġbor u titma lil dawn il-qtates f’cat cafè tiggarantixxi aktar iġene u sigurtà għall-istess qtates. Anke n-nies li jitmugħhom, dawk li nsejħulhom il-cat feeders, jgħidulek li din is-sistema hija aħjar għax il-qtates ma jmutux bil-ġuħ jew iweġġgħu”. 

Ħidma u inizjattivi oħra

Fost ħidma u inizjattivi oħra s-Segretarju Parlamentari Bugeja Said semmiet il-cattery ġewwa l-Animal Welfare li tospita mal-100 qattus abbandunat. Is-sena l-oħra kien hemm numru sabiħ ta’ qtates li ġew adottati – mal-200 qattus u madwar 300 kelb. Is-Segretarjat li tmexxi qiegħed ukoll jagħmel ħafna promozzjoni, anke mal-Kummissarju tal-Annimali. Bugeja Said fakkret fil-website adoptapet.gov li permezz tagħha persuna tidħol online u tara mingħajr ħela ta’ ħin u ġiri, l-annimali li hemm fl-Animal Walfare. 

“Hawn mhux biss qiegħed tara l-annimal, imma tara d-dettalji tiegħu fosthom kemm għandu żmien, ir-razza, jekk huwiex tajjeb mat-tfal jew jistax ikun ma’ annimali oħra. Il-website ħabbarniha madwar sentejn ilu f’din il-leġislatura. S’issa qiegħda mal-Animal Walfare iżda qegħdin naħdmu mas-santwarji ħalli nżidu wkoll l-annimali li jinsabu fihom”.

Din il-website hija l-ewwel pass. Imbagħad jinbeda l-proċess tal-adozzjoni fejn persuna trid tmur fuq il-post, isir il-matching, f’każ ta’ kelb jeħduh passiġġata, kif ukoll isir żmien ta’ fostering. Dan kollu qabel l-adozzjoni uffiċjali. Bugeja Said hawn saħqet fl-importanza ta’ tali proċess hekk kif fis-santwarji jidħlu annimali bi trawma kkawżata minn abbandun. 

Żiedet li, “hawn klieb u qtates jingħataw refuġju u meta ssir l-adozzjoni, jekk l-istess annimal jerġa’ jiġi abbandunat, isofri minn trawma doppja. Għalhekk aħna rridu nsibu dawk li nsejħulhom il-forever homes fejn annimal jibqa’ jgħix mal-istess familja. Għal dan il-għan qiegħed isir ħafna xogħol. Niżżi ħajr lill-ħaddiema tal-Animal Walfare għax-xogħol li jagħmlu b’mod partikolari lill-volontiera kollha, biex iqabblu l-familji mal-annimal li se jaddottaw. Min-naħa tagħna dejjem nippromwovu inkluż billi ntellgħu filmati ta’ stejjer ta’ suċċess. M’ilux mort Wied il-Għajn fil-park tal-familja u ltqajt ma’ diversi sidien ta’ klieb li adottawhom mill-Animal Welfare. Tiskanta, jgħidulek ‘ilu għandi sentejn u ma ngħaddix mingħajru’ mentri, hemm min qatt ma ħolom li jkollu annimal, mar l-Animal Welfare jew ġie l-Festa Annimali biex joħroġ lit-tfal u spiċċa adotta”. 

Malta bl-aqwa direttiva dwar iż-zoos fl-Ewropa

Mistoqsija dwar kif tara l-liġijiet ta’ Malta fejn jidħlu l-annimali mqabbla ma’ pajjiżi oħra, dwar dawk li jirregolaw iż-zoos din is-Segretarju Parlamentari aċċennat li, “il-Kummissjoni Ewropea qaltilna li d-direttiva tagħna hija l-aqwa fl-Ewropa. F’Otturu 2024 mhux talli għamilna dak kollu li titlob l-UE imma aktar”. Punt ieħor li semmiet huma li qegħdin jitkellmu dwar il-bżonn li ssir riċerka fuq l-annimali eżotiċi miżmuma fil-gaġeġ fosthom tigri u ljuni. 

“Barra minnnhekk, bħala pajjiż bdejna nagħtu boroż ta’ studju għall-veterinarji barra minn Malta. Sa tliet snin ilu, qabel ma bdejna nużaw l-fondi tal-UE biex nagħtu dawn il-boroż ta’ studju, kull min xtaq jilħaq veterinarju kellu jmur u jħallas minn butu. Kors ta’ €100,000 trid jew tissellef mill-bank jew inkella titlob lill-ġenituri, xi ħaġa li mhux kulħadd jista’ jagħmilha,” kompliet Bugeja Said. Fil-fatt, minn mindu bdew dawn il-boroż ta’ studju, in-numru tal-veterinarji li qiegħed ikollna fil-pajjiż żdied. Dan żdied b’mod li jekk qabel kienet diffiċli jew limitat li ssib vet, illum għadek firxa usa’. 

“L-unika problema li fadal hija dik tal-isptar fejn ninsabu f’kuntatt kontinwu mal-Ministeru li qegħdin jaħdmu biex issa, peress li l-MCAST se jiftħu sezzjoni għall-istudenti fil-kors tal-veterinarji, ġie totalment taħt il-ġurisdizzjoni tal-Ministeru tal-Edukazzjoni. Imma, qegħdin jaħdmu biex sal-aħħar ta’ din is-sena tinħareġ is-sejħa u ssir l-għażla dwar l-operat. Is-sezzjoni tas-servizz lin-nies għall-annimali tagħhom xorta se jibqa’ taħt il-privat mentri n-naħa tal-MCAST se tkun totalment iffokata fuq l-edukazzjoni”.

“Ma nixtieqx li jkun hawn aktar santwarji … Għalija dik hija sentenza ħabs”

Ix-xewqa ta’ Bugeja Said hija li f’pajjiżna jkollna aktar cat cafes u aktar dog parks. Aċċennat kif, “sfortunatament is-santwarji tal-klieb huma mimlijin imma jien ma nixtieqx li jkun hawn aktar santwarji. Dan għas-sempliċi raġuni li ma nemminx li kelb għandu jingħalaq u jkun ikkonfinat f’ġaġġa għal għomru. Għalija, meta kelb jispiċċa f’santwarju, dik hija sentenza ħabs”. 

Fl-Animal Welfare waħdu, fis-santwarji hemm mal-100 kelb. Bugeja Said spjegat li, “qattusa tat-triq tista’ tadatta ruħha imma kelb ibati. Is-santwarji jagħtuhom ħafna imħabba u jikkurawhom imma xorta għandu bżonn ta’ familja. Jiġifieri, għalkemm nemmen li hawn bżonn ta’ aktar spazju, nemmen li hawn bżonn ta’ aktar adozzjonijiet”. 

Hija stqarret li qiegħda tittama li bil-kuxjenza li joħolqu permezz tal-kampaniji qabel persuna tixtri kelb, tara x’hemm fis-santwarju u tipprova tagħti t-tieni ċans u t-tieni familja lil dak il-kelb. Filnalment, filwaqt li selmet lill-Kunsill Lokali taż-Żurrieq tax-xogħol importanti li għamlu b’mod speċjali lill-Kunsilliera Marisa D’Amato li ħarġet bl-idea tal-Cat Cafè, is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said temmet tħeġġeġ biex, “ma naqtgħux qalbna. Ejja ħa ngħinu lil kull kelb u lil kull qattus. Il-ħolma tiegħi hija li nsalvawhom kollha”.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport