Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn it- triathlon?
L-isport minn dejjem kien iċ-ċentru ta’ ħajti u peressli missieri għandu klabb sportiv ix-Shamrock Stars, jien minn etá żgħira ħafna kont nipprattika l-isport. Ta’ tliet snin bdejt il-basketball u warajh il-ġiri u l-futbol. Kont attiv ħafna u kull sport kien jogħġobni. Wara bdejt anke l-volleyball u l-waterpolo. L-aħħar li bdejt kien it-triathlon meta kelli disa’ snin. Kont ngħum fil-baħar u nsuq ir-rota fit-triq. Kien l-isport ideali għalija għax nipprattika tliet dixxiplini fi sport wieħed. Ta’ 11-il sena dħalt l-Iskola Nazzjonali tal-Isport (NSS) u hemmhekk iddeċidejt li niffoka fuq it-triathlon u waqqaft l-isport l-ieħor. Fil-ħin liberu xorta nħobb nilgħab xi logħba futbol mal-ħbieb.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa għalkemm għadek ta’ etá żgħira?
Fl-2019 ħadt sehem f’tiġrijiet tal-Ironkids fejn ksibt it-tmien post ġewwa l- Polonja, it-tielet post fl-Awstria u t-tieni post f’Barcelona. Imbagħad fl-2022 bdejt intellaq Sqallija u għalkemm kont l-iżgħar fil-kategorija, irbaħt it-tlielaq kollha. Peró naħseb li l-aqwa riżultati li ksibt s’issa kienu ġewwa l-Irlanda fl-2023 fejn irbaħt il-kampjonat u s-Serje tat-Triathlon Irlandiż u fl-istess sena ġewwa l-Italja rnexxieli nikseb it-tielet post fil-Kampjonat tal- Aquathlon u l-ewwel post fit-Triathlon. Dawn kienu tiġrijiet kbar b’mijiet ta’ atleti f’kull kategorija u b’kompetizzjoni iebsa. Din is-sena beħsiebni nerġa’ nikkompeti fil-kampjonat Taljan tal-Aquathlon, Triathlon u Duathlon. Inżid ukoll l-unuri li rbaħt lura fl-2019 u l-2024 bħala l-‘Best Youth Gozitan Male Athlete’.
Kif tqis il-livell tat-triathlon f’pajjiżna?
In-numru ta’ triatleti ġo Malta huwa żgħir ħafna peró hawn xi wħud minnhom li kisbu riżultati tajbin anke barra minn xtutna.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom? Il-kompetizzjonijiet tat-triathlon isiru barra ġot-triq u għalhekk jaffaċjaw problemi ta’ permessi u xi drabi ma jsirux. Niftakar l-Italja ġewwa Montesilvano t-toroq kienu magħluqin għal jumejn sħaħ u ħadd ma gerger. Kont bżajt li mhux se nasal fil-ħin għax imbagħad ma stajtx insib taxi mill-ajruport. Rigward ir-riżorsi tjiebna fil-livell peró xorta baqa’ ħafna xi jsir, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex speċjalment fejn jidħol iċ-ċikliżmu għax verament perikoluż fit-traffiku.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fit-triathlon?
Fil-futur nixtieq nirrapreżenta lil Malta f’kompetizzjonijiet prestiġjuzi bħall- Kampjonati Ewropej, Mondjali u Olimpiċi bit-tama li nirbaħ xi midalja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fit-triathlon.
It-Triathlon huwa sport aktar impenjattiv minn sport ieħor għax jinkludi l-għawm, iċ-ċikliżmu u l-ġiri u mhux faċli tkun tajjeb fihom it-tlieta iżda huwa sport mill-isbaħ li lili laqqagħni ma’ ħafna nies u ħbiberiji ġodda u qed niskopri pajjiżi u postijiet differenti filwaqt li jgħallmek tkun dixxiplinat u rispettuż. Ukoll titgħallem tqassam il-ħin billi it-training jeħodlok kważi il-ħin kollu wara l-iskola anke peress li jiena ngħix Għawdex u nattendi skola Malta u nittrenja xi 4 darbiet fil-ġimgħa Malta wkoll. Il-messaġġ tiegħi imur speċjalment għaż-żgħażagħ biex jipprattikaw kemm jifilħu sport għax huwa l-aħjar mod fil-ħajja biex tieħu gost u żżomm f’saħħtek!