Il-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika flimkien mas-Segretarjat Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza organizzaw attività għal studenti tal-livell sekondarju u primarju li pparteċipaw f’kompetizzjoni li kienet parti mill-kampanja tas-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra il-vjolenza domestika u l-vjolenza abbażi tal-ġeneru 2022.
Il-ħsieb wara din l-inizjattiva, li issa saret parti mill-kalendarju annwali tal-Kummissjoni, hi li t-tfal u ż-żgħażagħ jiġu mistiedna biex jesprimu lilhom infushom dwar valuri li jipproteġuna minn atti u mġibiet li jmorru kontra d-dinjità u d-drittijiet fundamentali tagħna bħala umani.
It-tema magħżula għall-kategorija tat-tpinġija fl-iskejjel primarji u sekondarji kienet: ‘L-imħabba hija…’, filwaqt li dik magħżula għall-kitba fl-iskejjel primarji kienet ‘Il-ħbieb ta’ veru jkunu hemm għal xulxin’ u fl-iskejjel sekondarji kienet: ‘Ġib ruħek ma’ ħaddieħor kif tixtieq li ħaddieħor iġib ruħu miegħek’. B’kollox kien hemm 60 sottomissjoni ta’ kitba kreattiva bil-Malti u bl-Ingliż, filwaqt li kien hemm total ta’ 187 sottomissjoni ta’ xogħol tat-tpinġija.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg saħqet li din il-kompetizzjoni saret timbru importanti fil-kampanja tas-sittax-il jum ta’ attiviżmu kontra l-Vjolenza Domestika u Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru.
“It-tfal huma dawk li dejjem jispiċċaw vittma allavolja l-vjolenza ma tkunx qed issir fuqhom, għaliex xorta waħda dak li jkun qed jiġri wara l-bieb tad-dar iħalli effett fuqhom. Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu ħabbarna riċerka li tixhed dan kollu. Bħala gvern se nkomplu nsaħħu l-ħidma tagħna, speċjalment fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, biex iż-żgħażagħ tagħna nipprovdulhom l-għodda neċessarja u b’hekk innaqqsu r-riskji li dawn jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza,” tenniet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.
Is-Segretarju Parlamentari saħqet ukoll li hija kburija ħafna li l-istudenti ta’ kull sena qed jieħdu din il-kampanja t’edukazzjoni b’serjetà kbira u dan qed jiġi rifless fil-livell tax-xogħol li dawn iż-żgħażagħ qed jissottomettu.
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet li t-taħriġ u l-kampanji t’għarfien huma parti integrali tal-ħidma li twettaq il-Kummissjoni. “Irridu nifhmu l-importanza li hija r-responsabbiltà tagħna l-adulti li nedukaw u ninfurmaw liż-żagħżagħ tagħna biex nipproteġuhom. Għada, pit għada, se jkunu huma li qed jidħlu f’relazzjoni, u għalhekk irridu li jidħlu f’din ir-relazzjoni b’għajnejhom miftuħa u b’karattru sod,” qalet is-Sa Friggieri.