Wednesday, July 2, 2025

Ippreżentat abbozz ta’ liġi li se jipproteġi l-ħaddiema taċ-ċivil

… meta dawn jispiċċaw b’sentenzi u danni ċivili fuq rashom għax kienu qed jaqdu dmirhom fil-kapaċità tal-kariga pubblika

Aqra wkoll

Il-Gvern ressaq fil-Parlament l-Att dwar ir-responsabbiltà ċivili ta’ persuni li jokkupaw kariga pubblika u ta’ entitajiet pubbliċi. Dan l-abbozz ta’ liġi huwa intenzjonat biex jipproteġi lill-ħaddiema taċ-ċivil meta fil-konfront tagħhom ikun hemm sentenzi u danni ċivili relatati mal-qadi ta’ dmirijiethom fil-kapaċità tal-kariga pubblika li jservu fiha. Il-liġi proposta tkopri uffiċjali pubbliċi, membri tas-servizz pubbliku u membri ta’ korpi dixxiplinati, kif ukoll dawk li għandhom kariga stabbilita mill-Kostituzzjoni.

L-abbozz jgħid b’mod ċar li jekk l-azzjoni jew id-deċiżjoni tittieħed fl-eżerċizzju ta’ funzjoni pubblika u mingħajr intenzjoni kriminali jew negliġenza grossolana, l-Istat se jkun dak li jġorr ir-responsabbiltà u jħallas id-danni ordnati, flimkien ukoll mal-ispejjeż legali relattivi mal-każ. Fl-istess waqt jekk ikun hemm każ, il-Gvern jidħol ukoll parti fil-proċeduri u jsostni l-pożizzjoni tiegħu quddiem il-Qorti. 

Il-Qorti, permezz ta’ sentenza definittiva, se tistabbilixxi wkoll jekk kienx hemmx negliġenza grossolana jew intenzjoni kriminali doluża fuq il-fatti li jirriżultawlha u kif tinterpretahom. L-Att ma jipprekludix il-bidu jew it-tkomplija ta’ proċeduri kriminali jew dixxiplinarji, anke jekk ikun hemm proċedura ċivili.

Wara s-sentenza finali fil-konfront ta’ dawk koperti, l-Istat iħallas id-danni jekk l-att kien fl-eżerċizzju ta’ funzjoni pubblika. Jekk il-Qorti tistabbilixxi li l-att ma kienx fl-eżerċizzju ta’ funzjoni pubblika jew kien riżultat ta’ intenzjoni kriminali doluża jew negliġenza grossolona, l-Istat jista’ jirkupra l-ħlas mingħand il-persuna.

F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġiet ippreżentata din ir-riforma, il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li din il-bidla hi pass ieħor importanti biex “inkomplu nsostnu lill-ħaddiema u uffiċjali tagħna fl-amministrazzjoni pubblika, dawk li kuljum jaqdu dmirhom b’sens ta’ dover u lealtà lejn pajjiżhom u lejn il-poplu Malti u Għawdxi.”

Il-Prim Ministru sostna li l-poplu għandu dritt għal amministrazzjoni pubblika li taħdem b’mod effettiv u b’serenità, għalhekk il-Gvern irid li jagħti s-serħan tal-moħħ lil dawk li jservu sabiex ikunu jistgħu jaqdu dmirhom mingħajr biża’ li jistgħu jispiċċaw f’xi kawża legali mhux mixtieqa. Il-Prim Ministru semma kif din ir-riforma hija parti minn viżjoni usa’ ta’ tisħiħ tas-Servizz Pubbliku, viżjoni li f’dawn l-aħħar xhur u snin rajniha titwettaq b’mod konsistenti. Dan hekk kif fakkar kif ftit tax-xhur ilu ġie iffirmat  ftehim kollettiv li ta’ żidiet fil-paga u poġġa l-pedament għal titjib fis-sigurtà tal-impjieg u fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għal 33,000 ħaddiem. 

Dan filwaqt li qed ikompli jissaħħaħ l-investiment fil-ħaddiema taċ-Ċivil anki fl-għodda mogħtija lilhom fosthom l-investiment ta’ €4 miljun ma’ Microsoft f’sistema ġdida tal-intelligenza artifiċjali Co-Pilot sabiex l-uffiċjali jkunu jistgħu jaqdu l-qadi ta’ dmirijiethom b’mod aktar effiċjenti u joffru l-ahjar servizzi possibbli għaċ-ċittadini.

Dr Abela fakkar fil-11-il ftehim iffirmati fix-xahrejn li għaddew li saħħew il-pagi u l-kundizzjonijiet ta’ madwar 1,100 ħaddiem taċ-Ċivil. Huwa emfasizza li l-Gvern se jibqa’ jkun t-tarka tal-ħaddiem, mhux biss billi jara li jkompli jtejjeb u jsaħħaħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol u s-salarji, iżda ukoll billi jsostni u jappoġġja lill-ħaddiema taċ-Ċivil b’mod legali u istituzzjonali. 

Il-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard qal, “Din il-liġi toffri protezzjoni b’responsabbiltà u tirrifletti sistema legali matura li tifhem il-kumplessità tal-amministrazzjoni pubblika. Hija liġi li tinkoraġġixxi t-teħid ta’ deċiżjonijiet responsabbli, filwaqt li trażżan l-abbuż tal-poter u tissalvagwardja d-drittijiet legali taċ-ċittadini. Din il-liġi tirrikonoxxi li dawk kollha li jwettqu funzjoni pubblika għandhom ikunu f’pożizzjoni li jaqdu d-dmir tagħhom mingħajr biża’ li jispiċċaw personalment responsabbli għal nuqqasijiet ġenwini. Madankollu, tagħmilha ċara wkoll li din il-protezzjoni mhijiex assoluta. Jekk in-nuqqasijiet jitwettqu b’negliġenza grossolana jew b’intenzjoni kriminali doluża, dawn ma jiġux moħbija taħt il-protezzjoni tal-kariga pubblika.

“Dan huwa pass importanti biex nassiguraw serħan il-moħħ lil dawk li jaqdu d-dmir tagħhom b’rieda tajba u skont il-liġi, b’lealtà lejn il-pajjiż. Fl-istess waqt, huwa pass kontra kull min jipprova jipparalizza l-ħidma tal-amministrazzjoni pubblika amministrazzjoni li hija s-sinsla ta’ pajjiżna. Dan huwa Gvern li b’sens ta’ ġustizzja qed ikun fuq in-naħa ta’ dawk li jaqdu l-funzjoni pubblika tagħhom b’mod ġust u mingħajr biża’, iżda li jassigura wkoll li dawk li jonqsu jġorru r-responsabbiltà tagħhom”, qal il-Ministru Attard.

Il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana sostna li f’pajjiż li qed jevolvi b’rata daqstant mgħaġġla, l-amministrazzjoni pubblika qed tkun iktar dinamika biex tkun viċin in-nies. Dan ifisser aktar sfidi u pressjoni ta’ xogħol, flimkien ma’ deċiżjonijiet li jridu jittieħdu malajr fuq operat aktar kumpless. “Nemmen li b’din ir-riforma mhux biss qed insaħħu s-Servizz Pubbliku imma wkoll lill-pubbliku li nservu”, temm jgħid is-Segretarju Permanenti Ewlieni.

Dan l-abbozz mistenni li jibda jiġi diskuss fil-Parlament il-ġimgħa d-dieħla bil-ħsieb huwa li dan jgħaddi qabel l-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż taġġorna għall-btajjel tas-sajf. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport