F’konferenza stampa li saret il-Ġimgħa fit-Trophies Lounge tal-Istadium Nazzjonali, Marco Casarsa, ġie ppreżentat bħala l-coach nazzjonali tal-Beach Soccer.
Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet huwa tkellem dwar il-viżjoni u l-objettivi fir-rwol il-ġdid tiegħu li jenfasizza l-potenzjal li pajjiż bħal Malta jista’ jkollu fil-Beach Soccer, filwaqt li spjega wkoll il-pjani fit-tul tiegħu biex jara li l-Beach Soccer f’Malta jitjieb.
Huwa nnota wkoll il-fatt li minħabba l-klima favorevoli f’Malta, il-Beach Soccer, b’differenza minn pajjiżi oħra Ewropej, jista’ jiġi pprattikat is-sena kollha.
Casarsa stqarr: “L-esperjenza tiegħi fl- Italja kemm bħala player kif ukoll bħala coach, żgur li se tgħini fl-isforzi tiegħi futuri ma’ dan it-team, liema objettivi żgur huma allinjati mal-istrateġija tal-Malta Football Associaton biex naraw il-Beach Soccer jevolvi u ’l quddiem intejbu l-livell tal-prestazzjonijiet tagħna”.
Id-Direttur tal-Malta FA Beach Soccer, Mark Marlow, enfasizza l-importanza u d- determinazzjoni li tissaħħaħ il-popolarità tal-Beach Soccer f’Malta: “Hu l-għan tagħna li nikkompetu fl-ogħla livell mal-aqwa timijiet f’dan l-isport, minkejja l-valur tal-Beach Soccer f’Malta f’termini ta’ Turiżmu Sportiv.
“Mill-wasla tas-Sur Casarsa hawn Malta diġà organizzajna kamp ta’ taħriġ, b’aktar xi jsegwu fil-ġimgħat li ġejjin sabiex inkunu ppreparati tajjeb għall-Euro Beach Soccer League Division B skedata għall-aħħar ta’ Lulju, fil-Moldova,” ikkummenta s-Sur Marlow.
Il-bidu tal-kompetizzjoni domestiċi fil-ġimgħat li ġejjin se jgħinu lill-coach il-ġdid tal-Malta Beach Soccer biex isegwi lill-players u jevalwahom aħjar biex jiddefinixxi x’inhu involut għat-triq ‘il quddiem.
Fil-karriera tiegħu s-Sur Casarsa rebaħ il-Kampjonat Ewropew tal-Beach Soccer fl-2005. Huwa wkoll tliet darbiet rebbieħ tal-Kampjonat Taljan bejn l-2006 u l-2010, waqt li għamel total ta’ 61 dehra mat-team nazzjonali Taljan tal-Beach Soccer.
Il-konferenza stampa ġiet indirizzata wkoll minn Pio Vassallo fir-rwol tiegħu bħala president tal-Malta Beach Soccer li ta ħarsa ġenerali dettaljata u t-tħejjijiet kontinwi għall-Nestle Ice Cream Beach Soccer League 2022 ta’ din is-sena.
Is-Sur Vassallo irrikonoxxa li: “Il-ħatra ta’ coach ġdid tat-team nazzjonali turi l-impenn tal-Assoċjazzjoni f’dak li jirrigwarda t-titjib tal-livell f’dan l-isport b’potenzjal li jikseb riżultati tajbin fuq livell internazzjonali fil-ġejjieni.”
Huwa wera s-sodisfazzjon li għal staġun ieħor numru sinifikanti ta’ timijiet irreġistraw fil-kompetizzjoni domestika ta’ din is-sena u jinsab kunfidenti fi staġun ieħor pożittiv li jirreplika s-suċċess tas-sajf li għadda fejn se jkun qed isir fi Pretty Bay, f’Birżebbuġa.
It-tlugħ tal-poloz tal-Nestle Ice Cream Beach Soccer League 2022 se jsiru fil-jiem li ġejjin fejn se jkunu skedati l-kompetizzjonijiet.