Il-Ħamis filgħodu, l-Ombudsman, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon, ippreżenta l-Ombudsplan 2026 lill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia.
Il-preżentazzjoni saret skont l-Artikolu 10(4) tal-Att dwar l-Ombudsman tal-1995 (Kapitolu 385 tal-Liġijiet ta’ Malta) li jirrikjedi li l-Ombudsman jippreżenta l-pjan annwali lill-Ispeaker sal-15 ta’ Settembru ta’ kull sena.
L-Ispeaker Anġlu Farrugia laqa’ l-Ombudsplan filwaqt li nnota li l-Parlament għandu dmir kostituzzjonali li jiżgura li l-istituzzjonijiet ta’ responsabbiltà jibqgħu b’saħħithom u indipendenti.
Huwa enfasizza li l-Ombudsplan annwali huwa strument ewlieni f’dan ir-rigward, billi jiddeskrivi t-triq ’il quddiem biex jiġu indirizzati l-isfidi fl-amministrazzjoni pubblika.
Wara din il-preżentazzjoni, l-Ombudsplan 2026 se jiġi ppreżentat formalment fil-Parlament wara l-btajjel tas-Sajf.