Sunday, December 22, 2024

Ippreżentata l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Faqar lill-MCESD

Aqra wkoll

Il-Ġimgħa filgħodu ġiet ippreżentata l-Istrateġija Nazzjonali kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali 2025 – 2035 lill-imsieħba soċjali tal-MCESD, fejn iddiskutew flimkien il-viżjoni tagħhom f’dan is-settur importanti.

Iktar minn hekk, ġie mfaħħar il-proċess ta’ konsultazzjoni flimkien ma’ xogħol ibbażat fuq ir-riċerka u l-użu tal-istrategic foresight u saħansitra nġabru s-suġġerimenti tal-imsieħba soċjali sabiex jittieħdu f’kunsiderazzjoni għall-verżjoni finali li se tiġi adottata kmieni s-sena d-dieħla.

L-Istrateġija kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, għandha l-għan li tiġġieled il-faqar permezz ta’ politiki, strateġiji u pjanijiet ta’ azzjoni fit-tul imsejsa fuq edukazzjoni u taħriġ.

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon saħaq li dan huwa eżerċizzju importanti sabiex il-Gvern ikompli jisma’ mingħand kulħadd. Spjega kif din l-istrateġija nħadmet bi studji xjentifiċi filwaqt li sar ħafna xogħol dirett ma’ msieħba ewlenin.

Il-Ministru Michael Falzon tkellem ukoll dwar ir-realtajiet tas-soċjetà fosthom is-solitudni kif ukoll is-saħħa mentali. F’dan il-kuntest irrimarka għall-ħidma diretta li ssir ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi u kif ukoll mal-knisja u qal li jħares ’il quddiem biex dawn ir-relazzjonijiet ikomplu jissaħħu sabiex minnhom igawdu dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà tagħna.

Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal li din il-konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali se tkun qed tassigura li l-istrateġija tkun iktar komprensiva billi tidentifika u tindirizza l-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha.

B’hekk, il-faqar u l-esklużjoni socjali, li Andy Ellul iddeskrivihom bħala sfidi profondi li jxekklu l-benesseri u l-iżvilupp tal-individwi u tas-soċjetà, jiġu indirizzati minn żminijiet bikrija biex ħadd ma jitħalla jaqa’ lura.

Iċ-Chairperson tal-MCESD, il-Perit David Xuereb, faħħar l-ambizzjoni tal-istrateġija u stqarr li, “L-indirizzar tal-faqar u l-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali jeħtieġu sforz kollettiv. Permezz ta’ djalogu soċjali attiv, nistgħu niżguraw li din l-istrateġija mhux biss tilħaq l-għanijiet tagħha iżda tirrifletti wkoll il-vuċijiet tal-partijiet interessati kollha, u ssaħħaħ in-nisġa soċjali ta’ Malta.”

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport