Friday, December 13, 2024

“Ipproteġu lill-annimali mhux tabbandunawhom”

Aqra wkoll

Studji juru li huwa l-bniedem li jista’ jinfetta lill-annimali domestiċi tiegħu bil-Covid-19 u mhux bil-kontra…

Minn Carmen Cachia

L-annimali domestiċi huma ta’ kumpanija u wens għas-sidien kollha tagħhom iżda rapporti minn madwar id-dinja qegħdin joħorġu fejn, minħabba biżgħa bla bażi, dawn l-annimali saru wkoll vittmi tal-pandemija tal-Covid-19 iżda mhux tal-virus innifsu, imma tal-bniedem. Minkejja li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u awtoritajiet tas-saħħa oħra saħqu li m’hemm ebda provi li l-annimali jinfettaw lill-bniedem bil-Coronovarius, hemm min qiegħed jagħżel li jew jabbanduna lill-annimal domestiku tiegħu jew saħansitra joqtolhom.

Rapporti ta’ annimali jmutu bil-ġuħ jew maqtula minħabba t-tifqigħa tal-Covid-19 qegħdin juru fiċ-ċar kemm l-annimali huma vulnerabbli li jsofru minn taħt idejn il-bniedem u dan b’mod speċjali minħabba informazzjoni żbaljata li qiegħda tiċċirkola b’mod speċjali fuq il-midja soċjali. 

L-ewwel każi ta’ moħqrija lejn l-annimali bdew iseħħu proprju f’Wuhan, il-belt li minnha oriġina l-Covid-19 iżda dawn ir-rapporti bdew jinbtu minn pajjiżi oħra inklużi wħud fl-Ewropa, fl-Amerika, fl-Indja u fl-Awstralja. 

L-attivista tal-annimali u kap eżekuttiv ta’ PAWS, Nilesh Bhanage, saħqet li studji u testijiet li saru fuq l-annimali domestiċi juri li, “dan il-virus ma jinxteridx mill-qtates u l-klieb. Ħaddiema fil-qasam tal-kura tal-annimali li kienu fi kwarantina minħabba li kienu esposti għall-Covid-19, irriżultaw li kellhom immunità qawwija għall-virus u jaħsbu li dan seħħ għax kellhom kuntatt kontinwu ma’ dawn l-annimali”.

Terapista għall-assistenza tal-annimali, Radhika Nair, qalet li wieħed jifhem li ninsabu fi żminijiet mimlija stress u inċertezzi u n-nies qegħdin jagħmlu minn kollox biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom u tal-familji tagħhom, iżda hemm għaqdiet non-governattivi li lesti jieħdu ħsieb lill-annimali domestiċi jekk għal xi raġuni s-sid ma jkunx jista’. 

Hija għamlet appell biex ma jabbandunawx lill-anniimali minħabba li dawk domestiċi ma jafux jfendu għal rashom fit-toroq. “Li jkollok lill-annimal domestiku miegħek f’perjodi bħal dawn jista’ jkun ta’ sostenn u wens kbir. Jgħinuna niġġieldu s-solitudni, iġiegħluna nżommu rutina u jnaqqsu l-ansjetà fi żminijiet diffiċli. L-annimali huma membru importanti fil-familja u għalhekk nitlob li titrattawhom kif jixirqilhom,” sostniet Radhika.

Sal-lum m’hemm ebda prova xjentifika li l-annimali jxerdu l-virus tal-Covid-19 fuq il-bniedem

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa

M’hemm ebda evidenza

Id-WHO qalet uffiċjalment li għadd ta’ klieb u qtates domestiċi li “kienu f’kuntatt ma’ persuni infettati bil-Covid-19 irriżultaw pożittivi. F’esperimenti li saru rriżulta li l-qtates u l-imnsa (ferrets) taw l-infezzjoni lil annimali oħra tal-istess speċi imma, m’hemm ebda evidenza li dawn l-annimali jistgħu jagħtu din il-marda lill-bniedem u jxerrdu l-Covid-19”.

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa kienet ċara daqs il-kristall fid-dikjarazzjoni tagħha fejn żiedet tgħid li, “huwa rrakkomandat li persuni morda bil-Coronavirus jew persuni vulnerabbli jevitaw kuntatt mal-annimali u importanti li jittieħdu miżuri ta’ iġjene bħas-soltu. Dawn jinkludu ħasil tal-idejn wara li jmissu lill-annimali domestiċi, l-ikel u l-affarijiet tagħhom, kif ukoll jevitaw il-bews u li jaqsmu l-ikel magħhom”.

Minħabba li l-awtoritajiet tas-saħħa u x-xjenzati madwar id-dinja għadhom jitgħallmu dwar x’inhu l-Covid-19 u kif jinxtered, huwa normali li wieħed jistaqsi ċerti affarijiet iżda huwa daqstant importanti li min ikollu xi mistoqsijiet, dan jindirizzahom lill-persuni kompetenti. 

Fil-mument, id-WHO tikkonsidra r-riskju li l-annimali domestiċi jgħaddu l-Covid-19 lis-sidien tagħhom bħala wieħed “baxx”. Din l-Għaqda tfakkar li n-numru ta’ annimali li rriżultaw pożittivi għal dan il-virus madwar id-dinja kien żgħir ħafna u li l-maġġoranza tagħhom mardu wara li kellhom kuntatt mill-viċin ma’ persuni bil-Covid-19.

Fil-fatt, fl-ewwel ħames xhur tat-tifqigħa tal-Coronavirus (1 ta’ Jannar sat-8 ta’ Ġunju 2020), madwa 20 annimal domestiku rriżultaw pożittivi għal dan il-virus u dan minkejja l-fatt li mit-8 ta’ Ġunju, in-numru tal-persuni li kellhom il-Covid-19 qabeż is-7 miljun persuna fejn 1.9 miljun minnhom kienu mill-Istati Uniti waħdu. 

L-infezzjonijiet fost il-bnedmin huma bil-miljuni…

L-Assoċjazzjoni Veterinarja Amerikana (AVMA) qalet li kien hemm inqas minn 25 każ madwar id-dinja fejn annimal domestiku – kelb jew qattus – huma s-sors ta’ infezzjoni fil-bniedem. Huma qalu li hemm ftit jew xejn provi li l-annimali domestiċi jkunu faċilment infettati bis-SARS-CoV-2 f’ċirkostanzi normali u sal-lum, m’hemm ebda prova xjentifika li dawn ixerdu l-virus li jkun fuqhom lill-bniedem. 

Din l-Assoċjazzjoni fakkret li l-mod prinċipali li qiegħed jinxtered dan il-virus fil-bniedem huwa permezz ta’ tixrid minn bniedem għal bniedem. Il-każijiet ta’ infezzjonijiet minn dan il-virus fuq il-bniedem, globalment, issa qabżu l-31.5 miljun persuna, mentri l-imwiet resqin lejn il-miljun vittma.

Il-biżgħa bla bażi li hemm xi tip ta’ theddida mill-annimali domestiċi wasslet biex isiru għadd ta’ studji u dan bil-għan li x-shelters tal-annimali ma jibgħux jaraw żieda ta’ annimali abbandunati bl-addoċċ.

Wieħed mill-aqwa studji li saru huwa mill-IDEXX Reference Laboratories, li hija network globali ta’ aktar minn 80 laboratorju f’kollaborazzjoni għall-istudji xjentifiċi. L-IDEXX evalwat eluf ta’ klieb u qtates b’sistema sofistikata għall-virus tal-Covid-19. Wara numru kbir testijiet konformi mal-livelli u ċertifikazzjoni internazzjonali, fit-13 ta’ Marzu li għadda l-IDEXX qalu li ma sabu ebda riżultati pożittivi li l-annimali huma responsabbli għat-tifqigħa tal-marda respiratorja tal-Covid-19.

Annimali domestiċi f’postijiet pubbliċi u annimali “waħidhom” jinqatlu mingħajr eċċezzjonijiet

Iċ-Ċina

Grazzi għal din l-evidenza u riżultati oħra miksuba minn sorsi oħra, iċ-Ċentru għall-Kontroll tal-Mard Infettiv (CDC), l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-American Veterinary Medical Association (AVMA) u l-British Veterinary Association (BVA), ikkonkludew li m’hemm ebda theddida ta’ tixrid tal-virus mill-klieb għall-bniedem. Għadd ta’ rappreżentanti ta’ dawn l-organizzazzjonijiet għalhekk, saħqu li l-“moda” li n-nies jabbandunaw lill-annimali domestiċi tagħhom minħabba biżgħa tal-virus, hija bla bażi.

Minkejja li l-awtoritajiet tas-saħħa ħarġu dawn ir-riżultati, bħal fil-każ tal-Pesta, in-nies qegħdin isibu xi tip ta’ komfort billi jiżvogaw il-biżgħat tagħhom fuq vittma u sfortunatament il-klieb huma mira faċli għal dawn it-tip ta’ inġustizzji. Fl-istorja kien hemm diversi sitwazzjonijiet fejn annimali ta’ diversi speċi nqatlu minħabba biżgħa minn tixrid ta’ mard minnhom għal fuq il-bniedem u fost dawn insibu l-qtates u l-ħnieżer.

Biżgħa jew skuża?

L-aktar pajjiż li qiegħed ikun ta’ eżempju ħażin f’dawn il-każijiet huwa ċ-Ċina fejn avviż mill-awtoritajiet f’Hongjiang fil-provinċja ta’ Hunan, avżaw li annimali domestiċi f’postijiet pubbliċi u annimali “waħidhom” jinqatlu mingħajr eċċezzjonijiet. F’kontea oħra, din id-darba f’Zheniang, l-awtoritajiet avżaw li l-klieb li jinstabu fil-pubbliku jinqatlu fuq il-post.

Minħabba paniku li qiegħed jaħkem lill-globu kollu għadd ta’ sidien tal-klieb qegħdin jitilqu lill-aqwa ħabib tagħhom fix-shelters, mentri oħrajn qegħdin iżommuhom fi kwarantina fid-djar tagħhom stess. Is-sidien qegħdin jiżolaw perjodikament lill-annimali domestiċi bil-għan li jilħaq “jgħaddi kollox b’wiċċ il-ġid” u mbagħad ikunu jistgħu jerġgħu jibdew joħorġuhom għal passiġġati.

Sadanittant suq ġdid li nibet fil-perjodu tal-pandemija proprju minħabba din il-“biżgħa” huwa proprju dak tal-produzzjoni ta’ maskri żgħar għall-klieb. Dan għal darb’oħra qiegħed iseħħ minkejja li l-aġenziji prinċipali kemm tas-saħħa, veterinarji u xjentifiċi, saħqu li m’hemm ebda prova li l-klieb jittieħdu, jitrasmettu jew ixerdu l-virus tal-Covid-19.

Ir-rakkomandazzjonijiet juru li l-periklu ta’ infezzjoni tal-Coronavirus qiegħed iktar għall-annimali mill-bniedem milli viċi versa u għalhekk m’hemm ebda raġuni li wieħed jibża’ jew ineħħi lill-ħabib tiegħu fuq erba’ saqajn minħabba l-Covid-19. 

Ħudu l-prekawzjonijiet l-ewwel għalikom biex ma tieħdux il-Covid-19 u fl-istess ħin ħudu ħsieb li tipproteġu lill-annimali domestiċi tagħkom jekk ikun il-każ li intom, jew persuni oħra, għandkom il-virus u dan billi tevitaw kuntatt u tieħdu l-miżuri ta’ iġjene meħtieġa.

Ekonomija

Sport