Friday, November 14, 2025

‘Ipprova dejjem, jekk taqa’, erġa’ qum u kompli … u fuq kollox agħmel dan bil-qalb’ – Amber Micallef

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?

Kollox beda minn passjoni żgħira lejn il-fitness, imma maż-żmien saret parti kbira minni. Il-bodybuilding għallimni kemm is-saħħa vera ma tiġix biss minn ġismek, imma mill-moħħ u l-qalb. Għalija, dan l-isport sar mod kif nesprimi min jien determinata, fokusata, u dejjem bil-ħolma li nsir aħjar minn kif kont ilbieraħ.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek s’issa bħala atleta?

Sa issa, ir-riżultati tiegħi kienu aktar milli stennejt. Kull rebħa kienet esperjenza ta’ emozzjoni pura u gratitudni: S’issa kelli l-unur li nirbaħ: L-ewwel post fil-Body Fitness – The Battle (National), l-ewwel post fil-Body Fitness Beginners u t-tieni post fil-Body Fitness Seniors – The Grand Prix, L-ewwel post fil-Body Fitness Beginners u t-tieni post fil-Body Fitness Open Category – Mediterranean Championships.

Kull darba li tlajt fuq il-palk, ħassejtni gratissima lejn kull min appoġġjani tul din il-mixja għax wara kull trofew hemm sigħat twal ta’ dedikazzjoni, sagrifiċċji u passjoni kbira.

Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil-preżent?

Qiegħed jikber b’pass kbir! Qed naraw aktar nies b’passjoni u dedikazzjoni vera. Hemm ħafna talent f’Malta, u naħseb li l-livell qed jitla’ kull sena. Huwa sabiħ tara komunità li tħobb dak li tagħmel.

U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti tħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Ngħiduha kif inhi … għad hemm fejn nistgħu ntejbu! Imma meta hemm passjoni, isib triq għal kollox. Aħna l-atleti nieħdu gost naħdmu ma’ xulxin u nappoġġjaw lil xulxin, u dak jagħmel differenza kbira.

Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna?

Qed tinbidel għall-aħjar! In-nies qed jifhmu li l-bodybuilding mhuwiex biss dwar id-dehra, imma dwar mentalità b’saħħitha, dixxiplina u kuraġġ. Huwa sport li jgħallmek tħobb lilek innifsek, anke fil-mumenti diffiċli.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuilding?

Il-vjaġġ tiegħi għadu kif beda. Nixtieq inkompli nikber, nitgħallem, u nasal f’livell internazzjonali. Fuq kollox, irrid inkun ispirazzjoni għal min għadu jibda jew għal min jaħseb li ma jistax għax jekk temmen fik innifsek u tħaddem qalbek, kollox hu possibbli.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-bodybuilding.

Ibda llum, mhux għada. Kull pass żgħir jgħodd. Se jkun hemm ġranet diffiċli, imma tħallix dak iwaqqfek. Ipprova dejjem, jekk taqa’, erġa’ qum u kompli. U fuq kollox agħmel dan bil-qalb!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport