Adrian Gomez Blanco ta’ 47 sena residenti r-Rabat kien ordnat jagħmel 80 siegħa xogħol fil-komunità bla ħlas wara li ammetta li pprova jikkorrompi infermier biex jipprovdilu ċertifikat li ħa l-vaċċin tal-Covid-19 meta ma kienx minnu.
Il-każ seħħ fil-11 t’Awwissu 2021, għall-ħabta tal-11.00 a.m. fiż-Żona Industrijali ta’ Bulebel.
Il-Qorti rat ukoll is-‘social inquiry report’ li minnu jirriżulta li huwa kien wera koperazzjoni sħiħa mal-uffiċjal tal-probation. Mill-istess rapport li ġie mħejji ngħata rakkomandazzjoni li l-Qorti tikkunsidra timponi sentenza ta’ ordni ta’ servizz fil-komunità.
Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Nadine Lia, qalet li trid tara mhux biss l-aspett riformattiv tal-imputat imma trid issib bilanċ bejn il-gravità u l-ħarsien u l-interessi tal-vittmi tar-reat u s-soċjetà inġenerali biex tara li dan ir-reat ma jerġax jiġi kommess kif ukoll tagħti l-ħarsien meħtieġ lill-pubbliku.
Kien għalhekk li qablet ma’ dak rakkomandat mill-uffiċjal tal-probation, u filwaqt li sabitu ħati tal-akkużi, poġġiet lill-ħati taħt ordni ta’ servizz fil-komunità. F’din l-ordni, huwa meħtieġ li jagħmel xogħol bla ħlas jew xogħol bla ħlas u taħriġ għal perjodu ta’ 80 siegħa.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Doriette Cuschieri.