Propju din il-ġimgħa, għadu kif ġie ppubblikat il-ktieb ‘Manwal għall-Qari tal-Provi’ li jittratta bir-reqqa s-sengħa tal-qarrej tal-provi.
L-awtur tiegħu, Gabriel Grioli, jagħmilha ċara li għalkemm dan il-ktieb huwa mmirat l-aktar għall-qarrejja tal-provi, huwa utli wkoll għal kull min għandu x’jaqsam mal-kitba: studenti u edukaturi, awturi, kittieba, tradutturi, kontributuri, ġurnalisti, edituri, u oħrajn. Fil-fatt, il-manwal huwa miktub b’lingwaġġ kemm jista’ jkun sempliċi apposta sabiex ikun jista’ jinqara, jinftiehem u jiġi apprezzatt minn kulħadd.
L-għan ewlieni ta’ dan il-manwal huwa li juri, permezz ta’ metodi differenti u b’eżempji ċari, kif wieħed jista’ jidentifika b’inqas sforz l-iżbalji varji tal-kitba u x’għandu jagħmel biex jikkoreġi biċċa xogħol b’mod professjonali.
Il-ktieb jista’ jinxtara mill-ħwienet ewlenin tal-kotba u mill-istationeries, mill-ħanut tal-pubblikatur BDL f’San Ġwann u tista’ tordnah ukoll mis-sit elettroniku tal-istess pubblikatur.