Wednesday, April 24, 2024

Ippubblikat ktejjeb minn Aġenzija Żgħażagħ bl-isem ‘Youth in the time of Covid19 – Creative Pursuits of Young People in Gozo’

Aqra wkoll

Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet annwali tal-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ bit-tema ‘Youth Engagement for Global Action’, ġie ppubblikat ktejjeb minn Aġenzija Żgħażagħ bl-isem Youth in time of Covid19 – Creative Pursuits of Young People in Gozo, li jagħti ħarsa lejn it-talenti, l-ħiliet u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ Għawdxin waqt il-pandemija Covid-19. 

Waħda mid-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa kienet li tibqa’ d-dar kemm jista’ jkun u tevita kuntatt ma’ nies oħra sabiex tnaqqas ir-riskji. Għal din ir-raġuni, is-Servizz Reġjonali ta’ Għawdex tal-Aġenzija Żgħażagħ beda inizjattiva msejħa ‘Youth of Gozo’. Għal ħafna żgħażagħ dan kien żmien ideali biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’darhom, u liż-żgħażagħ Għawdxin ipprovdewlhom pjattaforma onlajn fejn jistgħu jaqsmu t-talent tagħhom ma’ oħrajn. Il-proġett ippreżenta wkoll professjonisti żgħażagħ Għawdxin, li għalihom dan il-perjodu wkoll kien jeħtieġ mod differenti ta’ xogħol. B’kollox 68 żgħażagħ ħadu sehem f’dan il-proġett. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal li huwa ta’ sodisfazzjon għalih li jara lill-Aġenzija Żgħażagħ li f’Għawdex iddeċidiet li tibda l-inizjattiva ‘Youth of Gozo’. Huwa faħħar l-għan tal- inizjattiva li tinxteħet l-attenzjoni fuq iż-żgħażagħ Għawdxin, waqt li dawn bidlu l-mod ta’ għixien tagħhom skont ir-restrizzjonijiet kawża ta’ din il-pandemija. Il-Ministru Camilleri esprima li “huwa interessanti li minn dan iż-żmien ħarġu wkoll affarijiet pożittivi. Għal ħafna żgħażagħ dan kien żmien ideali biex ikomplu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom f’pajjiżhom, u grazzi għall-‘Youth of Gozo’ kellhom pjattaforma online fejn setgħu jaqsmu t-talenti tagħhom mal-oħrajn.” 

Huwa fakkar li l-Ministeru għal Għawdex, permezz tad-Direttorat tal-Wirt Kulturali, ukoll ħass il- bżonn li jniedi l-paġna ta’ Facebook Gozo-Unity in Creativity. L-għan ta’ din il-paġna onlajn kien li fi żmien li matulu bosta nies qattgħu ħafna ħin id-dar speċjalment tfal, anzjani u persuni vulnerabbli, din serviet bħala pjattaforma ta’ arti viżiva u kreattiva li permezz tagħha setgħu jsibu materjal informattiv u jimlew il-ħin tagħhom b’mod edukattiv. 

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri temm billi awgura li d-deċiżjoni li dawn in-narrattivi jkunu ppubblikati sservi sabiex jibqgħu ppriservati l-esperjenzi li ġenerazzajonijiet futuri ta’ żgħażagħ ikunu jistgħu jaqrawhom u jitgħallmu kif iż-żgħażagħ għexu f’dawn iż-żminijiet. 

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, l-Isport u l-Volontarjat Clifton Grima, filwaqt li faħħar lil Aġenzija Żgħażagħ għal din l-inizjattiva u d-diversi programmi li joffru, fakkar li aktar minn qatt qabel, fil-Jum Internazzjonali taż-Żgħażagħ, għandna niftakru li għandna dmir li naħdmu sabiex dawk iż-żgħażagħ li għandhom bżonn aktar għajnuna sabiex ikunu jistgħu jegħlbu l-ostakli tagħhom fil- ħajja, isibu r-rwol tagħhom fis-soċjetà. Soċjetà li mhux biss għandha tilqa’ liż-żgħażagħ iżda għandha tkun imdawra magħhom sabiex tassigura li ż-żgħażagħ ikollhom rwol ċentrali fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. 

Aġenzija Żgħażagħ tipprovdi bosta spazji biex iż-żgħażagħ jitgħallmu b’modi ġodda, jiżviluppaw it- talenti tagħhom, u jieħdu sehem bħala ċittadini attivi permezz tas-servizzi reġjonali tagħha, programmi ta’ tisħiħ u skemi ta’ finanzjament. Minħabba l-pandemija Covid-19, l-Aġenzija Żgħażagħ qalbet ħafna mis-servizzi tagħha onlajn. Waħda mill-prijoritajiet ewlenin tagħha kienet li tkompli tappoġġja liż-żgħażagħ kemm jista’ jkun fuq pjattaformi diġitali differenti u li tkompli tkun ta’ punt ta’ referenza għal tipi differenti ta’ informazzjoni, opportunitajiet u attivitajiet li jżommu liż-żgħażagħ ingaġġati.

Sport