Ġie ppubblikat ktieb ġdid bil-lingwa Maltija li jindirizza b’mod edukattiv is-suġġett tad-dimensja fost l-anzjani, bil-għan li jgħin lit-tfal jirrelataw ma’ din il-kundizzjoni minn età żgħira. ‘Id-Dentatura tan-Nanna Tisparixxi’ tirrakkonta l-istorja ta’ nanna li, gradwalment, tibda tinsa affarijiet essenzjali u tinvolvi lin-neputijiet tagħha f’avventura li tqanqal tbissima, filwaqt li tkompli żżid l-għarfien dwar din il-kundizzjoni.
L-iskop tal-ktieb imur lil hinn minn sempliċi qari; huwa għodda edukattiva li tħeġġeġ empatija fost it-tfal u tispjega b’mod adattat it-telf tal-memorja, li spiss huwa l-ewwel sinjal tad-dimensja. L-illustrazzjonijiet f’dan il-ktieb ikomplu jagħtu ħajja lill-karattri u jgħinu biex il-messaġġ jasal.
F’laqgħa informali, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea ltaqa’ mal-atturi ewlenin wara din il-pubblikazzjoni, Natalie Portelli u Dr Alexander Schembri, fejn ġie ppreżentat bil-ktieb.
Dr Agius Galea ddeskriva l-inizjattiva bħala pass importanti lejn soċjetà li tifhem u tapprezza aħjar lill-anzjani tagħha. Huwa rrimarka,“Dan huwa eżempju sabiħ ta’ kif il-letteratura tista’ tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet u tgħin lit-tfal jitgħallmu jħobbu u jirrispettaw aktar lill-anzjani.”
Natalie Portelli hija awtriċi magħrufa fil-qasam tal-letteratura għat-tfal, b’aktar minn 200 ktieb ippubblikat. Bil-ħila tagħha li tkellem lit-tfal b’lingwa, hija toħloq karattri u stejjer li jġibu tbissima. Intant, Dr Alexander Schembri, dentist b’esperjenza estensiva fil-qasam tal-gerodontoloġija, ilu snin jippromwovi għarfien dwar il-ħtiġijiet dentali u psikosoċjali tal-anzjani. Huwa kien il-moħħ wara l-ewwel ktieb ta’ gerodontoloġija għat-tfal fl-2017, u bħalissa huwa President tal-Maltese Association of Gerontology and Geriatrics.