Fost ir-rakkomandazzjonijiet li għamel l-Imħallef Emeritu Dr Lawrence Quintano fir-rapport tal-inkjesta indipendenti li tikkonċerna s-servizzi ta’ natura soċjali li ngħatat Nicolette Ghirxi, hemm li għandu jkun meqjus li r-risk assessment isir minn kull min imur jilmenta. “Jidher li numru ġmielu ta’ nies jagħżlu li ma jagħmluhx. Imma jkun aħjar li jsir waqt li fl-istess ħin jitħalla l-opt out,” qal l-Imħallef Emeritu Quintano.
Ir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu minn dan ir-rapport kienu ppubblikati mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal. Fl-aħħar jiem, il-Ministeru ppreżenta dan l-istess rapport fl-intier tiegħu lill-familjari ta’ Ghirxi u bi qbil mal-istess familja ppubblika r-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mir-rapport.
Il-Ministeru nnota l-konklużjonijiet tar-rapport kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet tal-Imħallef Emeritu. Tenna li jibqa’ dejjem kommess li s-servizzi soċjali kollha offruti f’pajjiżna jiġu dejjem imtejba.
Nicolette Ghirxi ta’ 48 sena kienet inqatlet fl-appartament tagħha fis-Swatar nhar it-12 t’Awwissu li għadda, bl-allegat aggressur – li jiġi l-eks sieħeb tagħha – jinqatel mill-pulizija wara li allegatament ippuntalhom arma fid-direzzjoni tagħhom u minkejja li għal diversi drabi kienu ordnawlu biex iniżżel l-arma.
Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu, l-Imħallef Emeritu jibda biex jgħid li wieħed għandu jżomm quddiem għajnejh li l-femiċidju huwa fenomenu universali. Intqal li skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) matul is-sena 2023, kien hemm 3,589 persuna rrapportaw li kienu qed jgħaddu minn fażi ta’ vjolenza domestika jew użaw is-servizzi maħluqa apposta. 75.4% kienu nisa waqt li 24.6% kienu rġiel.
Waħda mir-rakkomandazzjonijiet tgħid li jinħtieġ li d-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali jibda jagħmel kampanji t’għarfien li jġiegħlu ’l dak li jkun jintebaħ bil-periklu li jkun għaddej minnu u fejn għandu jmur għall-għajnuna. Fil-jiem qabel “Jum il-Mara” din il-kampanja tista’ ssir fil-jiem ta’ qabel. Iżda tista’ tkun ripetuta f’jiem jew ġimgħat oħra matul is-sena.
Żied jingħad li jkun prattiku li jintgħażel numru ħafif tat-telefon (preferibbilment bi tliet figuri) li jkollu pubbliċità kbira fuq il-mezzi tax-xandir u tal-istampa biex wieħed ikun jaf li jista’ jintuża dan in-numru f’każ li jkun jinħtieġ. F’pajjiż Ewropew dan in-numru tarah fuq l-istages tal-karozzi tal-linja bil-kliem “Vjolenza Domestika” ħdejh.
F’Malta diġà għandna s-servizz STOP li jintuża għall-aggressuri. Jekk hemm bżonn dan jespandi u jkollu fih psikjatri jew psikologi li jistgħu jgħinu biex titrażżan dik il-vjolenza li titnissel mir-rabja. Dak li ntqal hawn jgħodd ukoll fuq il-postijiet tax-xogħol fejn jista’ jkun hemm fastidju jew saħansitra vjolenza fiżika.
Qed ikun irrakkomandat ukoll li jsiru lezzjonijiet apposta fir-raba’ u l-ħames klassi tal-iskejjel sekondarji li fihom issir enfasi fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u li ħadd m’għandu dritt jerfa’ jdejh fuq ħaddieħor.
Barra minn dan il-ġenerazzjonijiet li tilgħin għandhom joħorġu mill-iskejjel b’idea ċara li l-mara llum għandha postha fis-soċjetà u trid tispiċċa darba għal dejjem li l-mara hi xi esseri aktar baxx mir-raġel.
Importanti wkoll li kull studenta femminili tifhem li għandha tistinka għall-indipendenza finanzjarja tagħha. Xi wħud min-nisa qed jibżgħu jieħdu ċerti passi minħabba li għadhom jistrieħu għalkollox fuq il-flus li jġib żewġhom.
Intqal ukoll li jekk hemm bżonn, jiżdiedu l-Maġistrati u sakemm isir hekk il-kawżi li hemm pendenti u għadhom ma bdewx jinstemgħu jitqassmu bejn kulħadd. “Dawn il-każi ma jistgħux jistennew. Ikun tajjeb li jingħata taħriġ lill-ġudikanti permezz ta’ seminar sabiex kulħadd ikun jaf aktar dwar is-suġġett.”
L-irġiel għandhom id-dritt li jkollhom l-istess protezzjoni meta jressqu l-ilmenti tagħhom u dan skont ma jitlob l-artikolu 45 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta li ma jippermettix diskriminazzjoni abbażi ta’ sess.
Rakkomandazzjoni oħra tgħid li l-mara li hija tqila u qed tkun mhedda li jekk ma twaqqafx it-tqala se ssirilha offiża gravi jew li tinqatel għandha tingħata għajnuna mill-ewwel u jekk ikun hemm bżonn jinstabilha post għaliha u għat-tfal mionorenni tagħha f’xi shelter.
Kemm jista’ jkun il-poplu għandi jkun imħeġġeġ biex ma joqgħodx jagħmel ġudizzji fuq l-allegati vittmi. “Ċerti ġudizzji qed iweġġgħu lill-familjari tal-vittmi u wara kollox ma joħloq ebda soluzzjoni. Il-vjolenza domestika m’għandhiex tagħti lok għal dawn il-kummenti ibsin u li jagħmlu ħsara,” qal l-Imħallef Emeritu.
Barra minn hekk, għandu jinħatar kumitat li jżomm taħt għajnejh l-iżviluppi kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ dan il-qasam. Jista’ jkun fih persuna li tirrappreżenta lill-Pulizija, oħra lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali u oħra lill-amministrazzjoni tal-Qorti.
Il-Kumitat ikun jista’ jara jekk żdidux it-talbiet għall-għajnuna, jekk żdidux il-kawżi fil-Qorti, miżuri li jistgħu jittieħdu u jistudja dwar miżuri ġodda li qed jittieħdu f’pajjiżi oħrajn u li jistgħu jkunu applikati hawn Malta. Għalhekk irid iżomm ruħu aġġornat ma’ artikoli u ġurnali li jkollhom x’jaqsmu mal-vjolenza domestika.
Fl-aħħar nett, l-Imħallef Emeritu qal li dawn ir-rakkomandazzjonjiet m’għandhomx jitqiesu bħala l-aħħar kelma. Wieħed jistenna żviluppi fuq livell Ewropew kif ukoll fuq livell mondjali.
“Min jattendi għall-konferenzi jew għal xi negozjati dwar konvenzjonijiet ġodda jew protokolli għal xi konvenzjoni eżistenti jew xi regolament jew xi direttiva tal-Unjoni Ewropea għandu jgħarraf lill-Kapijiet tad-Dipartimenti rispettivi minnufih malli jirritorna Malta dwar in-negozjati li jkunu saru.”