Mill-1 ta’ Jannar 2026 se jitnieda proġett pilota bi projbizzjoni tat-tipjip fi tnejn mill-aktar bajjiet popolari ta’ Malta f’azzjoni deċiżiva biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies u jitnaqqas l-iskart relatat mat-tabakk fiż-żoni kostali.
Il-projbizzjoni tat-tipjip kemm ta’ prodotti tat-tabakk kif ukoll tal-prodotti erbali tat-tabakk ser tibda fil-bajjiet tal-Mixquqa f’Malta (Golden Bay) u tar-Ramla l-Ħamra, f’Għawdex. Skont ir-Regolamenti dwar il-Kontroll tat-Tipjip fuq il-Bajjiet, 2025, ippubblikati fit-23 ta’ Settembru 2025.
“Din il-miżura pilota għandħa l-għan li tiżgura arja aktar nadifa, spazji pubbliċi aktar sikuri, u ambjent kostali aktar b’saħħithom. Min ipejjep xorta jistà jpejjep barra mill-perimetru deżinjat tal-bajja, sabiex niżguraw li d-drittijiet tan-nies kollha jiġu rispettati,” qal Kevin Mercieca, CEO tal-Awtorita għall-Ambjent u r-Riżorsi.
Ir-Regolamenti dwar il-Kontroll tat-Tipjip fuq il-Bajjiet jinkludu mapep taż-żewġ bajjiet, li jiddelinjaw il-firxa taż-żona tal-bajja li se tkun żona fejn ma jsirx tipjip. Iż-żoni tat-tipjip se jkunu identifikati ċarament fil-postijiet ikkonċernati. Din id-deċiżjoni tkompli ssaħħaħ il-projbizzjoni tat-tipjip introdotta ma’ Malta kollha 20 sena ilu fuq it-trasport pubbliku, ġewwa postijiet pubbliċi u postijiet tax-xogħol, bandli u playgrounds kemm pubbliċi kif ukoll fl-iskejjel, u fil-ġonna pubbliċi fejn hemm tagħmir tal-logħob għat-tfal.
Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika spjegat li l-inizjattiva tirrifletti l-impenn kontinwu tal-gvern biex jipproteġi lin-nies mid-duħħan passiv.
“Bħala parti mill-istrateġija komprensiva tagħna dwar it-tabakk, l-introduzzjoni ta’ projbizzjoni fuq it-tipjip f’Golden Bay u Ramla l-Ħamra huwa pass sinifikanti lejn it-titjib tas-saħħa pubblika. Din il-miżura se tnaqqas b’mod sostanzjali l-esponiment għal duħħan second-hand, li huwa magħruf li jikkawża problemi respiratorji, mard kardjovaskulari, kanċer, u
kundizzjonijiet serji oħra tas-saħħa,” qalet Prof. Charmaine Gauci. “Din l-inizjattiva hija parti kruċjali mill-impenn tagħna li nippromwovu stili ta’ ħajja aktar sani u nipprevjenu mard relatat mat-tipjip u prodotti tat-tabakka, sabiex fl-aħħar mill-aħħar ikollna futur ta’ saħħa aħjar ġħal kulħadd.”
L-inizjattiva hija riżultat tal-kollaborazzjoni konġunta bejn l-Awtorità tar-Riżorsi Ambjentali, il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-Aġenzija tas-Sistema ta’ Infurzar Lokali, u l-Pulizija Eżekuttiva. Dawn kollha se jikkollaboraw u jikkooperaw fl-infurzar ta’ dawn ir-regolament.
Iż-żoni tat-tipjip se jkunu mgħammra sew b’laned taż-żibel u se jiġu ġestiti u mnaddfin b’mod regolari.
Kull min jikser il-liġi u jinstab ħati ta’ reat jista’ jeħel multa ta’ €150. Il-projbizzjoni tat-tipjiip se jgħin ukoll biex jitnaqqsu l-fdalijiet tas-sigaretti, il-lajters, u skart ieħor relatat mat-tabakk milli jniġġsu r-ramel, ix-xquq kostali, u l-baħar tal-madwar.
“Il-loqom tas-sigaretti huma mill-iżjed forom ta’ żibel li jista’ jkollu plastik iddeżenjat bħala ‘single-use plastic’ (SUP) taħt ir-regoli tal-EU. Dawn il-plastiks jikkontaminaw l-ambjent fuq medda ta’ snin, jerħu kimiċi li jagħmlu dannu kif ukoll il-mikroplastik fl-ekosistemi marini. Illum, kburin li qed nieħdu pass ’il-quddiem lejn spazji pubbliċi nodfa u iżjed sani,” qal is-Sur Mercieca.
Malta issa tingħaqad ma’ pajjiżi bħal Franza, ir-Renju Unit, l-Iżvezja u l-Finlandja fl-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq it-tipjip fil-beraħ fuq il-bajjiet u fil-parks.