Tuesday, October 14, 2025

Ippublikat tender ta’ €11 miljun għal spazju miftuħ ġdid f’Bormla

… ix-xogħlijiet mistennija jibdew fl-ewwel kwart tal-2026

Aqra wkoll

It-tender ta’ €11-il miljun għar-riġenerazzjoni ta’ parkeġġ eżistenti u l-ħolqien ta’ ġnien pubbliku ġdid f’Bormla – proġett li jkopri 3,200 metru kwadru – ġie ppubblikat minn Project Green. Dan jimmarka pass ieħor ’il quddiem fit-trasformazzjoni sostenibbli ta’ żoni urbani madwar ir-reġjun tal-Port il-Kbir.

Wara konsultazzjonijiet estensivi, il-proġett se jittrasforma l-parkeġġ attwali f’żona vibranti miftuħa għall-pubbliku, li se tinkludi landscaping, loġġja, bandli għat-tfal, u tagħmir tal-isport fil-miftuħ. Id-disinn jagħti importanza qawwija lill-użu ta’ metodi u materjali ambjentali sostenibbli, biex ir-riġenerazzjoni ttejjeb kemm il-benessri tal-komunità kif ukoll is-sostenibbiltà ambjentali. L-art, li qabel kienet ippjanata biex issir dormitorju mill-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), ġiet irkuprata mill-Gvern.

Sabiex tiġi indirazzata wkoll l-isfida tal-parkeġġ fiż-żona, l-iżvilupp jinkludi wkoll parkeġġ taħt l-art fuq tliet livelli, li jipprovdi faċilitajiet moderni u aċċessibbli filwaqt li jħalli l-wiċċ disponibbli għal użu pubbliku.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Joseph Cuschieri, qal li x-xogħlijiet fuq il-proġett ta’ Bormla mistennija jibdew fl-ewwel kwart tal-2026, ladarba jitlestew il-proċessi kollha ta’ preparazzjoni u kuntratt. Huwa rrimarka wkoll li bħalissa Project Green qed timplimenta 17-il proġett madwar Malta u Għawdex li jkopru 130,000 metru kwadru.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport