Sunday, November 24, 2024

Ippublikati linji gwida dwar l-Integrated Pest Management

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo nieda linji gwida dwar l-Integrated Pest Management (IPM), li huma metodi ta’ kontroll li jiġġieldu pesti varji.

F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Refalo spjega kif dawn il-linji gwida jiffurmaw parti mill-proġett tal-AGRIHUB, li beda fl-2020 b’investiment ta’ €2 miljun. “L-IPM huma metodi ta’ kontroll li jiġġieldu kontra l-pesti b’mod ħolistiku, jiġifieri mhux sempliċiment bl-użu ta’ pestiċida biss, iżda wkoll aspetti oħra li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju għall-bdiewa b’impatt minimu fuq l-ambjent,” saħaq il-Ministru Refalo.

Id-Direttorat tal-Agrikoltura permezz tal-AGRIHUB u b’għajnuna minn esperti fil-fenoloġija żviluppaw dan is-sett ta’ linji gwida relatati mal-ħames uċuħ tar-raba li għandhom l-akbar valur ekonomiku fis-settur agrikolu, jiġifieri t-tadam, il-patata, iż-żebbuġ, l-għeneb u l-frawli.

Il-Ministru Anton Refalo rrimarka li permezz ta’ dawn il-linji gwida kemm bdiewa t’esperjenza, kif ukoll bdiewa li għadhom qed jibdew, ikollhom f’idejhom l-informazzjoni attwali u realistika ta’ kif l-aħjar jipproteġu l-prodotti tagħhom.

Huwa spjega li l-ministeru qed jaħdem ukoll fuq il-Pest Prediction Models, li huma proċessi li jinvolvu l-ġlieda kontra l-invażjoni tal-insetti. “Għal din il-fażi ta’ monitoraġġ, il-gvern investa f’waħda mill-aqwa teknoloġiji. Din it-teknoloġija titpoġġa f’nases li b’sistema ta’ intelligenza artifiċjali, jaqbdu, jgħoddu u jiddeterminaw in-numru ta’ insetti maqbuda minn dik in-nassa. Apparti minn hekk, dawn in-nases jiġbru informazzjoni oħra bħal analiżi tat-temp u anki tal-ħamrija u jiġu mħaddma permezz tal-enerġija solari,” ikkonkluda l-Ministru Anton Refalo.

Sport