Franza, l-Ingilterra u l-Ġermanja qalu li huma għandhom “dubji serji” dwar l-intenzjonijiet tal-Iran fit-tentattiv biex jerġa’ jingħata l-ħajja l-ftehim nukleari tal-2015, dikjarazzjoni li kienet ikkritikata kemm mill-Iran u anke mir-Russja.
Iktar kmieni dan ix-xahar, l-Iran kien bagħat ir-risposta tiegħu għat-test propost mill-Unjoni Ewropea biex jerġa’ jidħol fis-seħħ il-ftehim nukleari tal-2015. Taħt il-ftehim nukleari, l-Iran kien naqqas ħafna mill-programm nukleari tiegħu u bħala tpattija tneħħew is-sanzjonijiet mill-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti.
Id-diplomatiċi tat-tliet pajjiżi msemmija iktar kmieni qalu li l-aħħar rispons min-naħa tal-Iran kien fil-verità pass lura hekk kif fih l-Iran jidher li talab biex jitwaqqfu l-investigazzjonijiet min-naħa Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA) dwar każ fejn kienu nstabu traċċi ta’ uranju fi tliet siti li qatt ma kienu ddikjarati mill-gvern Iranjan. L-IAEA qiegħda titlob li l-Iran jagħti spegazzjoni dwar kif dawn it-traċċi sabu ruħhom hemm, u għalhekk it-talba tal-Iran li din l-investigazzjoni tieqaf poġġiet ħafna mistoqsijiet dwar l-intenzjonijiet veri ta’ Tehran