Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti attenda u ħa sehem fil-Jumpstart Film Festival 2025, attività organizzata minn Aġenzija Żgħażagħ f’kollaborazzjoni mad-Direttorat tal-Programm STEM u VET fil-Ministeru għall-Edukazzjoni. Il-festival, li sar fl-Eden Cinemas, laqa’ studenti minn 17-il skola sekondarja, flimkien ma’ professjonisti mid-dinja tal-films u l-arti awdjoviżiva.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, li daħlet fir-raba’ sena tagħha, iż-żgħażagħ ta’ bejn id-9 u l-11-il Sena (Year 9-Year 11) kellhom l-opportunità jesprimu ruħhom b’mod kreattiv u tekniku. Huma ħadmu fuq produzzjonijiet oriġinali, akkumpanjati minn mentors u film-makers stabbiliti, u ppreżentaw il-ħidma tagħhom quddiem udjenza.
Waqt l-avveniment, is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti qal: “Il-Jumpstart Film Festival mhux biss jirrappreżenta ċelebrazzjoni ta’ talent u ħila, imma huwa wkoll pjattaforma konkreta għall-vuċi taż-żgħażagħ tagħna. Illum qed naraw kif Aġenzija Żgħażagħ qed toffri spazji fejn iż-żgħażagħ jistgħu jesprimu l-kreattività tagħhom u jirrealizzaw l-ideat tagħhom. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed naraw kemm hu importanti li noħolqu spazji siguri u ta’ appoġġ biex iż-żgħażagħ jagħmlu l-vuċi tagħhom tinstema.”
“Dan il-festival huwa xhieda tal-impenn tagħna lejn iż-żgħażagħ u lejn il-prijoritajiet tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ sal-2030. Inħeġġeġ kull wieħed u waħda minnkom biex tkomplu tesprimu ruħkom u tagħmlu differenza fil-komunità,” temm jgħid Azzopardi Tanti.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Żgħażagħ, Miriam Teuma, qalet: “Il-Jumpstart Film Festival jgħin lill-istudenti mhux biss itejbu l-ħiliet tagħhom fil-filmmaking, iżda wkoll jagħtihom l-opportunità jiltaqgħu ma’ mentors u professjonisti tal-industrija, u jagħrfu opportunitajiet ġodda ta’ studju u karriera. Dan il-festival jirrifletti l-impenn tagħna biex nagħtu l-aħjar pjattaformi ta’ espressjoni u appoġġ għaż-żgħażagħ.”
Il-programm tal-attività kien jinkludi intervisti ma’ rappreżentanti mill-industrija tal-films, preżentazzjoni ta’ premjijiet għal skript, kreattività u direzzjoni teknika, kif ukoll diskussjonijiet dwar il-futur tal-arti awdjoviżiva f’Malta. Il-premju prinċipali għall-Aqwa Film ingħata mis-segretarju parlamentari.
Is-segretarjat parlamentari u Aġenzija Żgħażagħ irringrazzjaw lill-istudenti, il-ħaddiema tal-iskejjel, u l-mentors kollha li għamlu dan il-festival suċċess, u jħeġġu lil dawk kollha involuti biex ikomplu jgħixu l-kreattività u jagħmlu ħoss bil-vuċi tagħhom fil-komunità.